Futbol Sport

Paul Zammit jirritorna ma’ Birkirkara b’rebħa

Stewart Said

BIRKIRKARA……………..2
MOSTA………………………0

Birkirkara: P. Schranz, C. Attard, N. Vukanac, L. Maia, R. Camenzuli, M. Andelkovic, L. Cremona (M. Guillaumier 61’), J. Grech, B. Fernandez de Brito (K. Zammit 77’), E. Nfor, L. Montebello (E. Herrera 46’)
Mosta: A. Vella, L. Ferreira, T. Farrugia, T. Veronese, I. Maric, D. Ifeanyi, K. Magro, D. Xuereb (Z. Brincat 52’), E. Bilbao Zarate, C. Martins (D. Fenech 89’), J. Ekani
Imwissija: R. Camenzuli 6’, M. Guillaumier 67’ (B), K. Magro 60’, I. Maric 72’ (M)
Tkeċċa: K. Magro 88’ (M)
Skurjaw: E. Nfor 74’ pen, M. Guillaumier 85’ (B)
Referee: Philip Farrugia
Il-Mument Plejer tal-logħba – Mislav Andelkovic (Birkirkara)

Paul Zammit irritorna fit-tmexxija ta’ Birkirkara fuq nota pożittiva, b’żewġ gowls fit-tieni taqsima li taw l-ewwel rebħa tal-kampjonat lil Birkirkara. Wirja li tjiebet fit-tieni taqsima wara li fl-ewwel 45 minuta ftit kienu perikolużi. Madankollu l-kowċ karkariż għandu x’jaħdem mat-tim biex Birkirkara jkunu sfidanti serji fin-naħa ta’ fuq.

Mosta kellhom partita diċenti fejn speċjalment fl-ewwel taqsima taw daqs kemm qalgħu. Iżda r-reazzjoni ta’ Birkirkara fit-tieni taqsima, żammet lit-tim Mosti milli jaqsam il-logħba, u sofrew iż-żewġ gowls fl-aħħar kwarta tal-logħba.

L-ewwel taqsima kienet pjuttost kwieta bi ftit azzjonijiet diretti lejn il-lasti rispettivi. Birkirkara kellhom l-inizjattiva fl-ewwel nofs tat-taqsima, b’Ryan Camenzuli l-aktar li joqrob lejn il-gowl b’xutt b’saħħtu fis-17-il minuta li għadda barra. Mosta bdew iżidu aktar ma beda jgħaddi l-ħin u setgħu kienu minn fuq sa tmiem it-taqsima b’żewġ azzjonijiet tajbin. L-ewwel kien fit-38 minuta li Leonardo Ferreira krossja fil-baxx lura fejn sab lil Kurt Magro li xxuttja fuq il-ġirja, iżda l-konklużjoni tiegħu kienet blokkata mid-difiża, biex żewġ minuti wara, reġa’ kien Ferreira li bit-takkuna fetaħ id-difiża Karkariża, b’David Ifeanyi jegħleb tajjeb ħafna n-nasba tal-offside, iżda l-konklużjoni finali kienet salvat minn Schranz.

Birkirkara fetħu t-tieni taqsima jfittxu l-gowl tal-vantaġġ u laqtu l-wieqfa meta Jake Grech qassam lejn Llywelyn Cremona li xxutja mill-ewwel iżda l-konklużjoni fil-baxx tiegħu ħabtet mal-wieqfa.
Minuta wara, Nfor seta’ jagħmel aħjar meta l-ballun spiċċa għandu wara li Maric ma laqatx, iżda naqas li jikkonkludi. Aktar attakki Karkariżi u fit-58 minuta reġa’ kellhom okkażjoni perikoluża. Kien kross mil-lemin, għola tajjeb id-difensur Lucas Maia li b’daqqa ta’ ras impenja lil Vella li rnexxielu jsalva b’mod stupend.

Birkirkara ngħataw penalty fit-73 minuta meta r-referee ordna penalty għal fawl ta’ Tyrone Farrugia fuq Ernest Nfor. Mill-11-il metru, l-istess Ernest NFOR għeleb lil Andreas Vella b’xutt ċentrali. L-Istripes għal ftit ma għalqux il-logħba fit-83 minuta, b’azzjoni personali ta’ Kurt Zammit li kien blokkat tajjeb minn Vella.

Iżda huma rnexxielhom jiskorjaw it-tieni gowl żewġ minuti wara, b’xutt b’saħħtu tas-sostitut Matthew GUILLAUMIER li ma ta l-ebda ċans lil Guillaumier isalva. Mosta pruvaw jidħlu fil-logħba fid-90 minuta b’xutt mill-kaxxa ta’ Ferreira iżda Schranz kien attent u salva. Fuq in-naħa l-oħra, Jake Grech falla opportunità tajba minn qagħda ideali wara passaġġ ta’ Ryan Camenzuli.