Lokali Transport

Dewmien esaġerat, nuqqas ta’ servizz, u saħansitra sigħat sħaħ fejn l-Imġarr jitħalla mingħajr Trasport Pubbliku.

Inkonvenjent kbir għal kull min jagħmel użu minn dan is-servizz u jkollu jħabbat wiċċu ma’ dan l-inkonvenjent kif ukoll jiffaċċja problemi fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola u fl-isptarijiet.

Fi stqarrija l-Kunsill Lokali tal-Imġarr għamel referenza għall-ammont dejjem jiżdied ta’ ilmenti li jirċievi dwar is-servizz tat-trasport pubbliku fl-Imġarr, speċifikament dwar is-servizz bin-numri 44 u 238.

Dan qed joħloq inkonvenjent kbir għal kull min jagħmel użu minn dan is-servizz u jkollu jħabbat wiċċu ma’ dan l-inkonvenjent kif ukoll jiffaċċja problemi fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola u fl-isptarijiet. Il-Kunsill Lokali tal-Imġarr qed isostni li huwa inaċċetabbli li s-servizz tat-trasport pubbliku fl-Imġarr mhux qiegħed isegwi l-iskeda tal-Malta Public Transport stess. Hija nuqqas ta’ serjetà kbira mill-Malta Public Transport li ma tagħtix każ għall-ilmenti li l-Kunsill Lokali u r-residenti ilhom jirrappurtaw għal xhur sħaħ, fejn mhux talli ma sar l-ebda titjib fis-servizz, iżda qed dejjem imur għall-agħar.

Din is-sitwazzjoni jeħtieġ li tiġi solvuta sabiex waqt li nippromovu l-użu tat-trasport pubbliku, l-operatur tat-trasport pubbliku jipprovdi s-servizz kif imwiegħed lill-passiġieri skont l-iskeda. Wara li nġibdet l-attenzjoni fuq diversi sitwazzjonijiet fejn anzjani u morda tilfu l-appuntamenti tagħhom l-isptar, fejn ħaddiema waslu tard għax-xogħol, fejn studenti kellhom iwassluhom il-ġenituri għax is-servizz tat-trasport pubbliku mhux konsistenti, il-Malta Public Transport għandha l-obbligu li tieħu azzjoni minnufih.

Il-Kunsill fl-istess stqarijja qal li juri solidarjetà mar-residenti, iżda jsostni li minn naħa tiegħu, dejjem ressaq kull ilment li irċieva lill-Malta Public Transport u inkoraġġixxa kemm felaħ titjib effiċċjenti għal din is-sitwazzjoni. Però issa din is-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ sejra kif inhi, u għalhekk il-Kunsill Lokali tal-Imġarr qed jisħaq li l-Malta Public Transport biex tieħu azzjoni immedjata biex jingħata servizz diċenti, speċjalment issa li ser terġa tibda l-iskolau għalhekk ikompli jiżdied minn jagħmel użu mis-servizz tat-trasport pubblikuminn u lejn l-Imġarr. L-istqarrija għalqet billi qalet li l-Kunsill Lokali huwa dejjem dispost biex ikun ta’ għajnuna biex tissolva din il-problema malajr kemm jista’ jkun.