Lokali Unjoni Ewropea

L-istat tal-Unjoni Ewropea: diskors bilanċjat u joffri tama – PN

Id-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea kien joffri tama f’mument diffiċli ħafna għall-Unjoni Ewropea hekk kif ir-Renju Unit qiegħed fi triqtu ‘l barra, sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-kelliem għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Mifsud Bonnici u l-kelliem għall-Affarijiet Ewropej David Stellini.

Huma qalu li jidher li Jean Claude Juncker għaraf li hemm opportunitajiet għall-Unjoni Ewropea jekk u meta r-Renju Unit jitlaq, pero’, minkejja dan kollu, jibqa’ l-fatt li l-Brexit huwa żball storiku għar-Renju Unit u jiddispjacina li qed jiġri dan.

Jidher li għall-aħħar ta’ Settembru, l-Kummissjoni Ewropea se taġġorna l-politika tagħha dwar l-immigrazzjoni. F’dan id-diskors tal-lum Juncker esprima s-sodissfazzjon li l-immigranti illegali naqqsu b’xi 96 fil-mija fil-Lvant tal-Mediterran u b’xi 81 fil-mija fin-nofs tal-Mediterran. Nemmnu li l-problema tal-immigrazzjoni għada teżisti għax għad hemm eluf (jekk mhux miljuni) li qed jistennew biex jaqsmu mill-Afrika ta’ Fuq għall-Ewropa. L-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ il-fruntieri esterni tagħha pero’ għandha fl-istess ħin tinvesti ħafna iktar fil-kontinent Afrikan. Naturalment kull min qed jaħrab gwerra għandu jsib kenn fl-Ewropa skont l-obbligi internazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li kif qal tajjeb ħafna l-Kap tal-PPE Manfred Weber bħala reazzjoni għad-diskors ta’ Juncker, għandu jkollna l-kuraġġ li ngħidu l-affarijiet kif inhuma. Dwar l-identità tagħna, l-Ewropej kollha, inkluż l-immigranti, għandhom jirrispettaw il-valuri bażiċi tagħna. Jekk ma jagħmlux dan m’huma qatt ma se jintegraw fis-soċjetà Ewropea.

Jean Caude Juncker qal li l-istat ta’ dritt fl-Unjoni Ewropea huwa obbligatorju kullimkien fl-Ewropa. Nifhmu li kien qed jghid dan b’referenza għall-Gvern Ungeriż għax mhuwiex qed jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea dwar il-qsim tal-piż tal-immigrazzjoni. Nemmnu li matul is-summit tal-Unjoni Ewropea ta’ Ottubru li jmiss, il-President Donald Tusk għandu jagħmel pressjoni qawwija fuq il-Prim Ministru Ungeriż Victor Orban biex ibaxxi rasu għal din id-deċiżjoni tal-iktar Qorti għolja tal-UE.