Lokali

Arrestata mara li tikri l-appartamenti b’qerq – ir-rapporti kontriha jitilgħu għal 50

Grupp kbir ta’ persuni fl-aħħar jiem ingidmu minn mara li qed tgħid li hi sidt ta’ blokka ta’ appartamenti meta fil-verità dawn mhux tagħha. Madankollu xorta waħda kienet qed tiġbor il-flus għall-kiri tal-istess appartamenti.

Net News jinsab infurmat li l-mara ġiet arrestata mill-Pulizija iktar kmieni dalgħodu, wara li fl-aħħar sigħat fl-għassa ta’ San Ġiljan daħlu madwar 50 rapport, b’persuni oħra li nfurmawna li anke huma se jkunu qed iressqu ilment uffiċjali mal-Pulizija fuq frodi u qerq.

Net News għandu d-dettalji tal-mara li qed twettaq dan il-qerq, b’mod speċjali fuq barranin. Fost il-vittmi hemm dawk ġejjin mill-Brażil u s-Serbja li spiċċaw iridu jaraw fejn se jorqdu wara li l-appartamenti mwegħda lilhom u li ħallsu għalihom ma jistgħux jaċċessawhom.

Uħud mill-barranin li avviċinawna spjegaw kif il-mara, omm residenti l-Imsida u li għandha 39 sena, aktarx li fil-verità taħdem bħala fattiga fil-blokka tal-appartamenti li tagħhom kienet qed tiġbor id-depożiti mingħajr dritt.

Minn riċerka ta’ dan is-sit jirriżulta li l-mara għandha lista twila ta’ każi kontriha, tant li f’mill-inqas żewġ każi ngħatat sentenza ta’ ħabs.

Fl-2007 hi nstabet ħatja ta’ falsifikar ta’ dokumenti u li b’qerq akkwistat profitt ta’ madwar LM1,000 fi tliet snin bejn l-2003 u l-2006 u kienet tpoġġiet fuq ordni ta’ probation għal tliet snin.

Fl-istess sena kienet kundannata tħallas somma ta’ LM164.51 inkluż imgħaxijiet u spejjeż lil persuna oħra li ffrodat u ngħatat sentenza ta’ 18-il xahar ħabż sospizi għal erba’ snin fuq qligħ b’qerq għad-danni tal-bank HSBC li jammonta għal €2,096.

Sena wara hi kienet ingħatat sentenza ta’ interdizzjoni ġenerali għal perjodu ta’ ħames snin fuq każ ieħor, biex iktar tard fl-istess sena ġiet ordnata tħallas €4,730 lill-Bank of Valletta minbarra imgħax dovut.

Fl-2010, il-Qorti kienet ikkundannat lil din il-mara għal każi simili ta’ frodi u qerq, kif ukoll falsifikazzjoni ta’ dokumenti biex laħqet l-għan tagħha, u ngħatat sentenza ta’ tliet snin taħt probation u perjodu operattiv ġdid ta’ erba’ snin.

Fl-2013, l-istess persuna instabet ħatja li ffrodat iżjed persuni biex b’qerq qalgħet €3,287.54  u bħal fil-każi l-oħra hawn ukoll għamlet użu minn dokumenti foloz.

Fl-istess perjodu kienet serqet cheque book u serqet cheque mingħand persuna oħra f’perjodu ta’ żewġ sentenzi sospiżi u żewġ probation orders fil-konfront tagħha biex b’hekk saret riċediva. Fid-dawl ta’ dan ingħatat sentenza ta’ sentejn ħabs.

Dawn huma biss uħud minn lista itwal ta’ sentenzi fil-konfront tal-istess mara. Net News se jkompli jsegwi l-iżviluppi dwar dan il-każ.