Lokali

Titnieda l-iskeda ġdida ta’ Net Television għall-2017/18

Net Television u Radio 101 bi programmi ġodda għas-segwaċi

Minn Ottubru li ġej, Net Television u Radio 101 se jxandru skeda ġdida għas-sena li ġejja – b’aktar programmi informattivi, sportivi, kulturali, u ta’ divertiment li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.

Waqt it-tnedija tal-iskeda l-ġdida – ġie mħabbar li minbarra li jkomplu jiġu mxandra programmi bħal Net Live u Flusek li huma magħrufa mal-udjenza ta’ Net Television, se jkun hemm ukoll programmi ġodda li jkomplu jtejbu s-servizz.

Net News ħa l-kumment ta’ Josef Fitzpatrick, il-Kap tal-Programmi għal Net Media, fejn stqarr li hu ta’ pjaċir li wara żmien ta’ ħidma – issa ġiet imnedija din l-iskeda. Stqarr li fost l-oħrajn, fuq Net Television se jkompli jiġi mxandar is-serje tant poplari Santa Monika ta’ kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa fit-8.30pm.

Fost il-programmi ġodda fl-iskeda ta’ Net Television hemm Tentufiet u Fejn Għexna. Net News tkellem ma’ Graziella Ellul u Martha Carabott f’isem Reel8 Productions li produċew dawn iż-żewġ programmi ġodda għat-telespettaturi ta’ Net Television. Fejn Għexna hu programm dokumentarju li se jkun qed jirrifletti l-esperjenzi tan-nies u l-ħajjafl-irħula u l-ibliet Maltin. Minn naħa l-oħra, Tentufiet hu programm awdjo-viżiv ta’ minuta li se jkollu tema kulturali.

Wiċċ familjari mat-telespettaturi ta’ Net Television hu Ron Briffa – li f’din l-iskeda se jkun qed jippreżenta żewġ programmi ġodda – Anki Jien Għandi x’Nuri u Sqallija ma’ Ron. Dawn iż-żewġ programmi se joffru divertiment lill-udjenza ta’ Net Television.

Fost id-diversi programmi fuq Net Television, hemm ukoll Life & Style, Fuq Net, Bejn Tnejn, Newsroom, Il-Festa, Baker’s Kitchen, Meander, The Entertainers, Replay, Wheelspin, Sport Extra, Iswed fuq l-Abjad, Replay Review, Sibt Flimkien, Jekk Jogħġobkom, Wedding Plan, Immaġini, Analiżi, Week & More, SOS Pets, Road Trip, Sqallija ma’ Ron, u Gateway to Miss World.

NET News tkellem maċ-Chief Operations Officer Karl Gouder fejn tkellem dwar il-ħidma li saret biex ittellat din l-iskeda. Karl Gouder irringrazzja lil dawk kollha li għamlu din l-iskeda possibli. Kompla li sabiex jittellaw dawn il-programmi hemm bżonn sabiex ikun hemm kontributuri u sponsors – għalhekk din is-sena Net Television għamel skeda mill-aktar attrajenti.

Tħabbar ukoll li Net News fl-iskeda l-ġdida se jkollu dehra ġdida waqt li se jkompli l-programm mtella’ mill-kamra tal-aħbarijiet NET Live prezentat minn Robert Cremona u Lisa Spiteri u l-programm Newsroom, preżentat minn Norman Vella. Se tkompli tissaħħaħ ukoll il-website tal-aħbarijiet, netnews.com.mt.

Waqt l-attivita’ tat-tnedija, attendew numru ta’ preżentaturi u produtturi li se jtellaw il-programmi fuq Net Television u Radio 101. Din l-iskeda l-ġdida ġiet mnedija wkoll miċ-Chairperson ta’ Net Media, Rosette Thake.