Mara li frodat xejn inqas minn 26 persuna meta kriet appartamenti li mhux tagħha, intbagħtet tmien snin ħabs wara li quddiem il-Qorti ammettiet l-akkużi kollha kontriha.
Quddiem il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, Alexia Micallef ta’ 38 sena qalet li dak kollu li għamlet, għamlitu għax daħlet f’ċirku ta’ użura li ma setgħetx toħroġ minnu, bl-avukat tagħha jgħid li dak kollu li għamlet, għamlitu biex tissodisfa din l-użura.
Imma l-Qorti qalet li għall-użura, ma setgħetx twieġeb b’xi ħaġa agħar, u li darb’oħra messha marret tfittex l-għajnuna għand l-awtoritajiet. Kien għalhekk li l-mara, omm ta’ tifla żgħira, intbagħtet il-ħabs.
Fil-Qorti ħareġ kif il-mara kienet qed tikri appartamenti li mhux tagħha lil numru kbir ta’ barranin, u biex għamlet dan saħansitra kienet tuża kuntratti u ktieb tal-irċevuti.
Kien NET News l-ewwel li rrapporta li l-mara ġiet arrestata l-Erbgħa filgħodu, wara li fl-għassa ta’ San Ġiljan daħlu numru kbir ta’ rapporti. Fost il-vittmi hemm dawk ġejjin mill-Brażil u s-Serbja li spiċċaw iridu jaraw fejn se jorqdu wara li l-appartamenti mwegħda lilhom u li ħallsu għalihom ma jistgħux jaċċessawhom.
Minn riċerka ta’ dan is-sit jirriżulta li l-mara għandha lista twila ta’ każi kontriha, tant li f’mill-inqas żewġ każi ngħatat sentenza ta’ ħabs.
//= $special ?>Arrestata mara li tikri l-appartamenti b’qerq – ir-rapporti kontriha jitilgħu għal 50