Elezzjoni Kap PN Lokali

ERĠA’ SEGWI: Adrian Delia elett il-Kap il-ġdid tal-PN; jivvutaw 95% tat-Tesserati

Entużjażmu u vot b'saħħtu fl-ewwel elezzjoni għal Kap ta' partit, li fiha kienu eliġibbli jivvutaw aktar minn 15,000 Tesserat

2.20am: Il-President tal-Kummissjoni Elettorali Interna Joe Borg ħabbar ir-riżultat uffiċjali finali: 7,734 vot għal Adrian Delia u 6,932 vot għal Chris Said.

1.40am: Wara waqfa sakemm il-Kap-Elett żar it-Tinda tal-Għadd tal-Voti, issa jkompli l-proċess tas-‘sorting’ u l-għadd sakemm joħroġ ir-riżultat uffiċjali.

1.35am: Appena sar magħruf ir-riżultat, f’messaġġi separati, il-Kap-Uxxenti Simon Busuttil u l-Kandidat l-ieħor Chris Said bagħtu messaġġi ta’ awguri lill-Kap-Elett Adrian Delia.


1.15am: “S’issa tkellmu l-Kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali u t-Tesserati. Minn għada jibda jitkellem il-Partit Nazzjonalista kollu.” – Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet

12.50am: Fl-ewwel kumment lill-ġurnalisti fuq il-Fosos, Adrian Delia rringrazzja lil dawk kollha li vvutaw f’din l-elezzjoni u qal li “llum rebħet id-demokrazija”.

12.45am: L-ewwel indikazzjonijiet taċ-ċifri qed juru li Adrian Delia kiseb il-maġġoranza ta’ voti u għalhekk se jkun il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

12.10am: Jibda l-proċess ta’ ‘sorting’ …

12.00am: Minn ħin għall-ieħor mistenni jibda l-proċess tas-‘sorting’ … ma tonqosx l-atmosfera ta’ stennija fuq il-Fosos, b’ammont sostanzjali ta’ partitarji preżenti.

11.45pm: Il-proċess biex il-voti jsiru f’pakketti ta’ 50 qed joqrob lejn tmiemu. Stennija biex ftit tal-minuti oħra jibda l-proċess tas-‘sorting’.

10.50pm: Il-voti qed jitħalltu f’numru ta’ kaxxi u jingħaddu lill-Aġenti tal-Vot biex isiru f’pakketti ta’ 50 qabel ma jibda s-‘sorting’.

10.45pm: L-Aġenti tal-Vot lesti biex jibda l-proċess ħalli l-voti kollha jitħalltu u jitqassmu f’pakketti ta’ 50.

10.20pm: Jaslu wkoll il-kaxxi tal-voti li ntużaw fl-‘Early Voting’, is-Sibt li għadda, u anke dawk użati fl-MFCC illum.

10.05pm: Jaslu l-kaxxi li matul il-jum kienu fis-‘Sub-Headquarters’ tal-Partit f’Ta’ Sannat. Jonqos issa biss il-kaxxi tal-voti li kienu fl-MFCC.

9.45pm: Stennija għall-kaxxi kollha li ntużaw f’din l-elezzjoni: dawk li ntużaw fl-MFCC, f’Ta’ Sannat u tal-‘Early Voting’ qabel ma l-voti jitħalltu qabel il-proċess tas-‘sorting’.

9.40pm: Ftit ċifri relatati ma’ din l-elezzjoni: 19,350 irregolarizzaw ruħhom biex ikunu jistgħu jivvutaw f’din l-elezzjoni. Minn dawn tqassmu 15,501 Dokument tal-Vot, b’2,595 minn dawn ivvutaw is-Sibt li għadda fl-‘Early Voting’.

9.30pm: Hu stmat li madwar 95% ta’ dawk eliġibbli marru jivvutaw.

9.00pm: Tasal fi tmiemha l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista billi jingħalqu l-kaxxi kollha tal-vot. Dan wara li fit-8pm ingħalqu l-kaxxi tal-votazzjoni fis-‘Sub-Headquarters’ f’Ta’ Sannat.

F’dan is-servizz se nkunu qed inżommukom aġġornati bl-aħħar żviluppi minn fuq il-Fosos tal-Furjana, minfejn minn hawn u ftit ieħor jibda l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni u eventwalment is-‘sorting’ u l-għadd tal-voti.