Lokali

RITRATTI: Adrian Delia jqatta’ l-ewwel ġurnata bħala kap tal-PN qalb in-nies

L-ewwel għodwa ta’ Adrian Delia bħala kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista bdiet b’kafè qalb in-nies fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fis-Siġġiewi.

Hemm hu analizza l-gazzetti tal-Ħadd għall-ewwel darba, fejn kellu diskussjoni ma’ dawk preżenti dwar l-aħħar sigħat u wkoll l-ideat tiegħu għall-Partit Nazzjonalista.

Wara intervista fuq Net Television, hu ltaqa’ mal-ġurnalisti u crew ta’ Net Television fuq il-post tax-xogħol tagħhom, kellu laqgħa mal-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Floriana.

Kompla b’iżjed żjarat fil-każini, fejn fil-Ħamrun indirizza lil dawk preżenti u qalilhom li din hi l-politika li jrid imexxi: “Din hi l-politika li rrid immexxi. Bilqegħda man-nies, nieħdu kafe għaliex jien irrid li l-Partit Nazzjonalista jkun qalb in-nies u tan-nies.”

Dan qabel żar il-każin tal-Partit Nazzjonalista f’Birkirkara, fejn faħħar is-sens ta’ għaqda u qal li dan is-sens irid jagħmlu fil-qalba tat-tmexxija tiegħu.