Lokali

FILMAT: Konrad Mizzi jirrepeti t-theddida li tagħlaq l-Air Malta

Il-Gvern jgħid li lest joffri żidiet fil-pagi jekk il-ħaddiema jkunu aktar produttivi u flessibbli... inkella jkollha tagħlaq l-Air Malta

Il-falliment tal-Gvern biex isib sieħeb strateġiku, kif imwiegħed, għall-Air Malta, wassal biex fl-aħħar tenattiv, il-Gvern għażel li jwaddab il-ballun f’saqajn il-unions tal-ħaddiema kollha tal-Air Malta.

Dan hekk kif il-Gvern ħabbar li lest li joffri żidiet fil-pagi jekk il-ħaddiema jaċċettaw li jkunu aktar produttivi u flessibbli. Inkella, fi kliem il-Ministru Konrad Mizzi waqt konferenza tal-aħbarijiet, l-Air Malta jkollha tagħlaq.

“Il-kumpanija, jekk dawn it-tibdiliet ma jseħħux, se jkollha aktar spejjeż milli revenue, mhux se jkollha minn fejn tħallas il-kredituri, u bħal ma jiġri f’każijiet oħra, tiġi ‘insolvent’ u tagħlaq,” qal Konrad Mizzi f’risposti lill-media.

Imma l-ħaddiema qed jintlabu jkunu aktar produttivi u flessibbli. Il-piloti qed jintalbu jtajjru aktar ajruplani, anke jekk il-flotta tiżdied; il-membri tal-ekwipaġġ qed jintalbu joperaw bl-inqas numru ta’ cabin crew possibbli f’kull titjira; u l-inġiniera u l-ħaddiema tal-ground u l-passenger handling qed jintalbu jkunu aktar flessibbli fir-rosters tagħhom.

Skont il-Ministru Konrad Mizzi, dan ifisser li l-Air Malta trid tbigħ b’mitt miljun ewro aktar biex tkun tista’ tagħmel tajjeb għaż-żidiet fil-pagi, li mistennija jlaħħqu s-€16-il miljuni fuq il-ħames snin li ġejjin.

B’Konrad Mizzi, jwaddab il-ballun f’saqajn il-ħaddiema u jagħti x’jifhem li jekk il-ħaddiema ma jaċċettawx dan il-ftehim, l-Air Malta jkollha tagħlaq.
“Ma nistgħux noffru aktar, u jekk noffru aktar, jekk ma jkollnix iż-żieda fil-produttività li qed nitolbu, il-kumpanija tiġi insolvent. Jiġifieri l-kumpanija trid toħroġ flus aktar milli qed iddaħħal u l-Gvern ma jkunx jista’ jintervjeni għax ‘state aid’ mhux permess. Jiġifieri f’dak il-każ, il-kumpanija tagħlaq. M’hemmx option oħra,” irrepeta Konrad Mizzi.

Imma fiċ-ċirkostanzi, huwa stat ta’ fatt li hemm Unions tal-ħaddiema li għadhom mhux qed jaqblu mal-Gvern, anke jekk il-Gvern huwa determinat li mill-1 ta’ Jannar li ġej, jibda jopera ftehim kollettiv ġdid. Madanakollu, mistoqsi x’jiġri jekk ma jkunx hemm ftehim bejn il-Gvern u l-Unions, il-medjatur bejn il-Gvern u l-Unions u President Emeritus George Abela kien kawt. “Dak imbagħad naraw,” qal George Abela waqt li nsista li sa issa hemm l-ebda ‘deadlock’ mal-ħaddiema.

Fl-isfond ta’ dan kollu, kollox jindika li fil-ġimgħat li ġejjin se jkomplu l-laqgħat bejn il-Gvern u l-Unions tal-ħaddiema.