Lokali

4 tajriet protetti oħra jispiċċaw vittmi taċ-ċomb – BirdLife

Diżappunt għall-mod kif il-Prim Ministru ma żammx kelmtu mal-ambjentalisti dwar il-kaċċa

BirdLife Malta kompliet tesponi il-problemi tal-kaċċa illegali fl-istaġun tal-kaċċa billi wriet fil-pubbliku erba’ għasafar oħra protetti li inġabru fl-aħħar ġranet. Fuq tnejn minn dawn it-tjur protetti hemm sinjali ċari ta’ tiri tal-kaċċa waqt li l-oħrajn għadhom qed ikunu analizzati mill-veterinarju. B’kollox mit-3 ta’ Settembru ‘l hawn inġabru 11-il tajra protetta li ġew feruti b’tiri.

Dettalji dwar din is-sitwazzjoni ingħataw f’konferwnza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana f’San Ġwann fil-preżenza ta’ attivisti tal-Birdlife u tal-erba’ għasafar protetti li ddaħħlu għall-kura għand il-veterinarju. Dawn l-għasafar huma żewġ bagħdan ħomor u żewġt irziezet griżi.

Mark Sultana qal li s-sitwazzjoni tal-kaċċa illegali fl-istaġun tal-kaċċa saret waħda kbria daqs kemm kienet qabel propju minħabba li mhux qed ikun hemm kontrolli mill-pulizija. Hu appella lill-gvern biex iżomm kelmtu meta l-Prim Ministru qal li se jkun hemm tolleranza żero fuq l-abbużi iżda fil-fatt mhu qed isir xejn biex l-abbużi jkunu kontrollati u mwaqqfa.

Hu qal li dawn il-11-il għasfur ferut fi ftit ġranet huma biss parti żgħira mill-problema u minn dak li qed iseħħ minn kaċċaturi rresponabbli. Dan minħabba li qed ikun hemm ferm ikbar ta’ abbużi li mhux ikunu rappurtati. Mark Sultana qal li m’għadx hawn impenn u rieda biex jitwaqqfu l-abbużi tant li l-kaċċa llegali qed isir bla xkiel ta’ xejn

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirLife Malta qal li l-kaċċa qed issir kullimkien; fl-irħula u l-lokalitajiet kollha kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dan qed iwassal biex qed jinġabru għasafar feruti mil-lokalitajiet kollha inkluż Ħal Qormi, il-Birgu, Ħal Għaxaq, Marsascala, Manoel Island u Mġarr ix-Xini.

Mark Sultana qal li l-Gvern ma żammx kelmtu mal-120,000 ċittadin li vvutaw fir-referendum għax illum l-istess gvern qed jibgħat messaġġi negattivi li bihom jinkoraġġixxu iktar kaċċa. Fost dawn il-messaġġi hemm dak li l-kaċċa se tkun permessa fil-parks nazzjonali. Hu qal li inutli li l-pajjiż ikollu iktar riservi naturali jekk ir-regoli ma jkunux imħarsa. Filwaqt li staqsa fejn hi l-FKNK, Mark Sultana sostna li madwar il-Ministeru għall-Ambjent hemm persuni li jaġevolaw lill-kaċċaturi.

Is-sitwazzjoni, sostna Mark Sultana, hi waħda redikola fejn fl-aħħar ġranet il-pulizija kellha 10 pulizija għal kontra l-abbużi tal-kaċċa meta kien hemm madwar 11,000 kaċċatur għall-kaċċa. Qed immorru lura għaż-żminijiet meta ma kienx hawn kontrolli, sostna Mark Sultana.

L-istaġun tal-kaċċa fetaħ fl-1 ta’ Settembru 2017 u jgħalaq fl-aħħar ta’ Jannar 2018.