Ambjent Lokali

“Il-qtil ta’ għasafar protetti għandu jġib il-kundanna ta’ kulħadd” – il-PN

Il-PN jgħid li inċidenti bħal dawn jitfgħu dell ikrah fuq eluf ta' kaċċaturi li jaġixxu b'mod responsabbli

“L-inċidenti ta’ tmiem il-ġimgħa fejn inqatlu żewġ fjamingi u għasafar ieħor protett, għandhom iġibu l-kundanna ta’ kulħadd. Il-poplu Malti u Għawdxi, partikolarment il-komunità tal-kaċċaturi, ma jistgħux jagħlqu għajnejhom quddiem każijiet bħal dawn”.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u mill-Kelliema Karol Aquilina u Mario Galea, il-Partit Nazzjonalista appella lill-eluf ta’ kaċċaturi ta’ rieda tajba biex jikkoperaw mal-pulizija u l-awtoritajiet konċernati biex min qed jikser il-liġi, jħallas għal għemilu. Atti bħal dawn mhux biss qed ikissru l-kredenzjali ambjentali ta’ pajjiżna, iżda qed jitfgħu dell ikrah fuq eluf ta’ kaċċaturi li jaġixxu b’mod responsabbli u josservaw il-liġi.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li minn naħa tiegħu, hu evidenti li l-Gvern qed ifalli fl-infurzar tal-liġi f’dan is-settur – wegħda li għamel wara r-referendum ta’ sentejn ilu – u għandu jassigura li każijiet bħalma ġara fi tmiem din il-ġimgħa ma jibqgħux iseħħu.

4 tajriet protetti oħra jispiċċaw vittmi taċ-ċomb – BirdLife