Lokali

FILMAT: Il-moħqrija ta’ Laika: Għaliex ma sarx rapport lill-Pulizija?

Fis-santwarju tal-annimali, Laika qed taqleb għall-aħjar. Imma għaliex ma sarx rapport mal-Pulizija? Tal-annimali jispjegaw ir-realtà li jħabbtu wiċċhom magħha

Fis-santwarju tal-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati, l-AAA, hemm 80 kelb. Hemmek, NET News iltaqa’ ma’ Rosalind Agius, li tieħu ħsieb is-santwarju, u ddur ma’ dawn il-klieb kollha, li jew inġabru mit-toroq, jew inkella sfaw abbandunati mill-familji tagħhom.

Fost dawn, hemm Laika, kelba ta’ razza pura ‘chow chow’, u li ftit tal-jiem ilu, fi kliem Rosalind Agius, ‘intremiet’ mill-familja tagħha.

“Laika hija waħda bħal ħafna klieb oħra li ġew il-familja tagħha hawnekk u ramewha. Id-differenza ta’ Laika hi li kienet waħda mid-dawk li daħlet fi stat veru ħażin. Għandha infezzjoni fil-ġilda li ilha hemmek ix-xhur, jiġifieri issa kważi l-ġilda ġiet immuffata. Però bħal m’hu qed tara, kull ma ilha għandna tliet ijiem. Fi tliet ijiem, bl-anti-biotics u l-anti-inflammatory, diġa il-ġilda tranġat,” spjegatilna Rosalind.

“Jiġifieri din, il-familja tagħha, kull ma kellhom bżonn kien li joħduha għand il-vet, u l-problema tissolva. Però minflok għand il-vet, iħalluha f’dak l-istat, f’daqqa waħda jiġu hawnekk u jarmuha,” żiedet tgħid, waqt li qalet li din hija xi ħaġa li tiġri kontinwament.

Wara li l-AAA ippubblikaw ir-ritratti ta’ Laika online biex iqajjmu għarfien dwar din il-moħqrija u abbandun, ħafna nies staqsew: “Imma għaliex m’għamlux rapport lill-Pulizija?”

Ma’ NET News, Rosalind Agius, twieġeb din il-mistoqsija, u tgħidilna għaliex m’għadux ‘worth it’ li jsir rapport mal-Pulizija. “Aħna nagħmlu ħafna rapporti, jiġifieri ma nistax ngħid li ma nagħmlux, għax jekk tiċċekkja ismi, hemm rapport fuq rapport,” bdiet tispjega Rosalind.

“Però sfortunatament qed insibu ħafna nuqqas ta’ koperazzjoni. Ġieli mmorru nagħmlu rapport u biex il-Pulizija joħorġu ċ-charges, irridu niġru warajhom. Min-naħa l-oħra, min-naħa tal-Qrati, titkisser sakemm issir il-ġustizzja,” żiedet tgħid waqt li spjegat kif pereżempju hemm każ il-Qorti li ilu seba’ snin biex jinqata’. “Aħna m’għandniex l-enerġija, u m’għandiex il-flus, ukoll, biex immorru l-Qrati erba’ snin, seba’ snin biex jinqata’ każ wieħed,” kompliet tgħid.

Rosalind qaltilna li imbilli l-annimali mhumiex bnedmin, ma jfissirx li mhumiex priorità, għax l-annimali jħossu, iweġġgħu u jibżgħu bħalna. Hi appellat għal sistema effiċjenti fejn każijiet ta’ abbuż fuq l-annimali jinqatgħu malajr kemm jista’ jkun.

Xellug: Ġilda kważi mmuffata minħabba abbandun. Lemin: Il-ġilda ta’ Laika tibda tfieq, ftit jiem biss wara li bdew jieħdu ħsiebha l-ħaddiema tal-AAA

RITRATTI: Jabbandunaw lil Laika wara li ħallewha timrad