Lokali

Il-Knisja f’Malta ‘inkwetata ferm’ dwar familji li ma jaffordjawx jikru

Il-Knisja tappella għal pagi aħjar u housing diċenti u aktar affordabbli

Il-Knisja f’Malta qalet li tinsab ‘inkwetata ferm’ dwar in-numru dejjem jiżdied ta’ individwi u familji li mhux qed jirnexxielhom jikru x’imkien diċenti u bi prezz affordabbli, u appellat lill-Gvern biex jieħu azzjoni immedjata f’dan ir-rigward.

Permezz tal-Kummissjoni għall-Ġustizzja u l-Paċi, il-Knisja qalet li bil-paga minima ta’ inqas minn €750 fix-xahar, qed ikun impossibbli għal ħafna nies li jsibu post fejn jikru, u b’konsegwenza, qed jiżdiedu n-nies bla saqaf fuq rashom. Anke dawk li jaqilgħu paga medja qed isibuha diffiċli biex jikru.

Filwaqt li appellat lill-Gvern biex jieħu azzjoni immedjata dwar il-problema tal-kera, il-Knisja rrikonoxxiet li din hija problema kumplessa u ma tistax tissolva biss billi jkun hemm iktar social housing, għax għalkemm din hija miżura ‘short-term’, mhix se ssolvi l-problema l-kbira, jiġifieri t-titjib fil-kwalità tal-ħajja u l-pagi.

Il-Knisja qalet li għaldaqstant temmen li l-Gvern għandu jagħmel riċerka serja dwar is-suq tal-kiri, u jfittex modi ġodda ta’ kif ikun hawn housing affordabbli u adekwat, anke bl-għajnuna tal-istakeholders fis-settur privat. Il-Knisja żiedet li apparti minn dan, għandu jkun assigurat li l-ħaddiema jaqilgħu pagi li jkunu suffiċjenti għal għixien diċenti u b’dinjità.

Il-Knisja fakkret li aċċess għal akkomodazzjoni diċenti u affordabbli huwa rikonoxxut bħala dritt universali tal-bniedem. Madanakollu, ta’ kuljum, ħafna nies qed ikollhom jesperjenzaw ir-realtà umiljanti li ma jkunux jistgħu jgħixu b’mod indipendenti u b’sosten għalihom u l-familji tagħhom; uħud anke jekk jaħdmu fuq bażi ‘full-time’.

Dwar l-akkomodazzjoni soċjali tal-Gvern u shelters oħra provduti minn diversi entitajiet, fosthom mill-Knisja stess, il-Knisja qalet li għalkemm dawn huma forom essenzjali ta’ għajnuna għal min jinsab f’diffikultà, fil-verità dawn għandhom ikunu biss miżuri eċċezzjonali għal dawk li ma jistgħux jgħixu b’mod indipendenti.

“Hija sitwazzjoni traġika li minħabba n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli, ħafna residenti ta’ shelters huma kkundannati għal ħajja istituzzjonalizzata ta’ dipendenza li ħafna drabi ddum ix-xhur jekk mhux is-snin,” żiedet tgħid il-Knisja.

Il-Knisja wissiet li l-qligħ tal-profitt m’għandux ikun l-unika fattur f’deċiżjonijiet li jaffetwaw il-ħajja tan-nies u temmet tgħid li pajjiż li jissagrifika d-drittijiet tan-nies askapitu tal-altar tal-profitti, m’huwa sinjur xejn, irrispettivament minn kemm jingħad li l-ekonomija sejra tajjeb.