Lokali

AĠĠORNATA: Tad-dgħajjes tal-pass jipprotestaw – nies maqbuda f’nofs ta’ baħar

Jidher li skont l-aħħar informazzjoni, il-protesta ġiet postposta għall-ġurnata oħra wara li ntlaħaq qbil mar-rappreżentanti tal-balkori.

Aktar informazzjoni dwar dan fil-ħin li ġej.

 

Aktar kmieni:

Għat-tieni darba dan il-lejl, wieħed mill-bastimenti li qed jopera shuttle service bejn it-tliet ibliet u l-Belt Valeltta, qed jinżamm fuq il-baħar b’numru ta’ passiġġieri abbord hekk kif qed tippersisti il-protesta bil-balklori tad-dgħajjes tal-pass.

Għall-ħabta tat-8pm, l-istess bastiment ma kienx tħalla jħott għal siegħa sħiħa minħabba din il-protesta.

L-argument hu dwar wieħed mill-bastimenti li skont il-balklori m’għandux il-permessi meħtieġa biex jabbi u jħott lill-passiġġieri. Sadanittant fix-xatt qrib id-Dwana hemm numru kbir ta’ uffiċjali tal-Pulizija waqt fuq il-baħar hemm diversi opri tal-baħar, uffiċjali ta’ Transport Malta, kif ukoll mill-Forzi Armati ta’ Malta li qed jippruvaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Fl-istess waqt, il-balklori kollha ġew infurmati mill-Pulizija li se jinżammu taħt arrest minħabba li mhux jobdu l-ordinijiet u mhux iħallu l-bastiment jitrakka.

Wieħed mill-balklori instema’ jgħajjat: “Ġibu lill-Ministru u nitkellmu għax hu qiegħed jixrob hemm fuq (jirreferi għan-Notte Bianca fil-Belt Valletta), waqt li aħna qed niġġieldu għad-drittijiet tagħna hawnhekk”.

 

Aktar kmieni:

Persuni li kienu qed jaqsmu mill-Birgu lejn il-Belt Valletta għall-attivitajiet tan-Notta Bianca spiċċaw maqbuda f’nofs ta’ baħar f’sitwazzjoni li damet għaddejja għal madwar nofs siegħa.

Jirriżulta li l-barklori tad-dgħajjes tal-pass, li bħal kull sena qed jaqsmu l-Port il-Kbir bil-passiġġieri, bdew jagħlqu l-aċċess għall-moll bħala sinjal ta’ protesta.

Dan għaliex il-ferry li jopera bejn iż-żewġ bliet għal-lejla qed iħaddem shuttle service, bl-introduzzjoni tat-tieni bastiment. Barklori li tkellmu magħna fissru li huma mhux kontra s-servizz tal-ferry, li m’għandhomx oġġezzjoni li jitħaddem, iżda kontra l-introduzzjoni tat-tieni bastiment li fi kliemhom ħoloq kompetizzjoni mhux ġusta u ħadilhom għal kollox ix-xogħol.

Konsegwenza tal-protesta, fuq il-baħar inqabdu numru ta’ persuni bl-aċċess għall-art li kien magħluq għalihom u allura kienu jinsabu f’sitwazzjoni li wħud minnhom saħansitra ddeskrivewlna li qed iħossuhom bħal ostaġġi.

Wieħed minn dawk maqbuda fuq il-baħar qalilna li abbord fost l-oħrajn kien hemm tfal u anzjani.

Fid-dawl ta’ dan kien hemm ukoll il-bżonn tal-Forzi Armati ta’ Malta biex jipprovaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni, u fuq kollox jaraw li dawk maqbuda fuq il-baħar jaslu lejn ix-xatt b’wiċċ il-ġid u mill-iktar fis possibbli.