Knisja Lokali

FILMAT: Ikkonfermata l-ipotesi li l-Vara ta’ Ġesù Redentur fl-Isla reġgħet ntlibset tunika oħra

Ir-restawraturi tal-vara ta’ Ġesù Redentur fl-Isla kkonfermaw l-ipotesi li l-vara reġgħet ntlibset tunika ġdida f’dawn l-aħħar jiem permezz ta’ filmat bl-endoscope. Għalhekk żorna lir-restawraturi Dr. Maria Grazia Zenzania u Valentina Lupo mill-kumpanija Atelier Del Restauro Ltd. ġewwa l-Oratorju tal-Fratellanza tas-Santissimu Kurċifiss fl-Isla sabiex naraw mill-qrib il-proċess ta’ restawr ta’ din il-vara devota.

Għalkemm l-anima u l-istruttura nterna tal-vara huma stabbli, il-blat tal-vara qed isofri qsim fis-sufra wara li f’bosta interventi ta’ restawr fil-passat ġew applikati ġibs fl-ixquq u dan qiegħed jinqala’ minn mal-bażi. Għalhekk, ir-restawraturi qed jikkonsolidaw il-blat mal-bażi sabiex dan ma jkomplix jittiekel.

Maż-żmien it-tunika inżebgħet bosta drabi fuq xulxin. Fil-fatt, ir-restawraturi sabu tal-inqas 3 saffi ta’ kulur u ġibs. Peress li jidhru ħafna xpakkaturi fit-tunika ukoll, se jitweħħel il-kulur sabiex jitnaddaf u r-restawraturi joħorġu kulur nadif u preservat tajjeb. Valentina Lupo kkonfermat magħna li l-karnaġġjon tal-wiċċ mpitter jidher li hu antik iktar mill-karnaġġjon tal-idejn u s-saqajn.

“Il-proċess ta’ restawr f’Mejju ta’ din s-sena u mistenni jitlesta kompletament fi Frar tas-sena ddieħla. Il-proġett qanqal ħafna interess qalb id-devoti peress li hija vara magħrufa ma’ Malta kollha u devota. Anki waqt il-proċess ta’ konservazzjoni u restawr, ħafna nies għadhom jiġu wara l-bieb jarawna naħdmu u jitolbu. Hemm ħafna nies interessaw ruħhom fil-proċess, fuq l-iskoperti u l-kuluri li qiegħdin insibu, u kif se nagħmlu dan il-proċess ta’ konservazzjoni biex il-vara titgawda fil-futur.”

Minn għada sal-Ħadd, il-vara ta’ Ġesù Redentur se tkun mituħa għall-pubbliku ġewwa l-Oratorju stess. Luca Zaltron, rappreżentant tal-Arċisqof tul ir-restawr tar-Redentur, qal li din hija opportunità unika għall-pubbliku u d-devoti tar-Redentur sabiex jaraw b’għajnejhom il-proċess ta’ restawr u jitolbu quddiemu.

“Għalkemm se nospitaw lil kulħadd, inħeġġu lill-pubbliku sabiex jirriżerva post onlajn minħabba r-rispons qawwi li kellna.”

Wieħed jista’ jirriserva post minn fuq is-sit elettroniku tal-parroċċa sabiex ma jiddiżappuntax ruħu peress li l-ispazju ġewwa l-Oratorju huwa limitat.