Kultura Kunsilli Lokali Lokali

FILMAT: Jitħabbru d-dettalji għall-attività Ġenna ta’ Ġonna fil-Floriana

"33 attività f'dik waħda"

Il-ġonna mferrxin mal-Furjana kollha u l-ispazji miftuħin għal darb’oħra se jerġgħu jimtlew bil-ħajja għal ġurnata sħiħa nhar il-Ħadd bl-attività ‘Ġenna ta’ Ġonna’.

Dettalji dwar din l-attività ngħataw mill-Kunsill Lokali tal-Furjana f’konferenza tal-aħbarijiet fi Ġnien il-Mall.

L-attività Ġenna ta’ Ġonna għandha l-għan li tesebixxi s-sbuħija ta’ din il-lokalità flimkien ma’ dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kultura u l-istorja Maltija, kif jispjega ma’ NET News il-Minority Leader tal-Kunsill Lokali tal-Furjana James Aaron Ellul.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Sindku Davinia Sammut Hili, li qalet li minkejja l-finanzi limitati, il-Kunsill hu determinat li jippromwovi u jsebbaħ il-lokalità.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar, li wkoll kien preżenti, tkellem dwar id-dover tal-Kunsilli Lokali li joħorġu s-sbuħija tal-lokalitajiet tagħhom, waqt li saħaq it-twemmin tiegħu li l-Kunsilli Lokali jingħataw aktar finanzi u poteri.

Intant, fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, l-Arċipriet Fr. Richard Borg ta dettalji dwar esebizzjoni li se tkun miftuħa waqt ‘Ġenna ta’ Ġonna’. Din se tkun wirja ta’ pubblikazzjonijiet u oġġetti oħra marbuta tal-kittieb Oliver Friggieri, wieħed minn ulied il-Furjana.

Fost l-attrazzjonijiet waqt Ġenna ta’ Ġonna se jkun hemm ukoll il-ftuħ tal-uniku stazzjon tal-ferrovija taħt l-art, re-enactments ta’ żmien il-Franċiżi, il-ftuħ tat-torri ta’ Wignacourt, tours fis-swar tal-Furjana, u ftuħ ta’ postijiet oħra ta’ interess storiku.

Ġenna ta’ Ġonna se ssir nhar il-Ħadd 15 ta’ Ottubru bejn id-9 ta’ filgħodu u l-4 ta’ waranofsinhar.