Lokali

Studenti Universitarji mitluba jgħallmu fl-iskejjel minħabba nuqqas ta’ għalliema

Tant kemm m'hawnx għalliema biex jgħallmu ċertu suġġetti, li issa anke studenti tal-Università qed jintalbu jgħallmu bi ħlas

Studenti Universitarji qed jintlabu jgħallmu fil-middle-schools u l-iskejjel sekondarji minħabba nuqqas ta’ għalliema kwalifikati.

F’email mibgħuta lill-istudenti kollha tal-Università, l-istudenti ġew mgħarrfa li qed jiġu offruti impjiegi ‘part-time’ biex jgħallmu numru ta’ suġġetti fl-iskejjel, fosthom Accounts, il-Kimika, il-Bijoloġija, ix-Xjenza, l-ICT u l-Computer Studies.

L-email ma ntbgħatitx biss lill-istudenti li qed isegwu xi kors fil-Fakultà tal-Edukazzjoni, iżda lill-istudenti Universitarji kollha. Filfatt, l-email intbgħatet mid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Din id-deċiżjoni, li studenti Universitarji mhux kwalifikati jitħallew jgħallmu fl-iskejjel sekondarji, ittieħdet fl-isfond tal-problema li kull ma jmur qed tkompli tikber, fejn hawn nuqqas ta’ għalliema.

Il-Union Maltija tal-Għalliema kemm-il darba ġibdet l-attenzjoni u ilmentat dwar dan. Sa tliet ijiem ilu biss, il-President tal-MUT Marco Bonnici tkellem ma’ NET News b’reazzjoni għall-budget, fejn irrefera għan-nuqqas ta’ għalliema bħala sfida ewlenija li għadha mhux qed tiġi indirizzata kif suppost.

Imma sadanittant, fuq il-media soċjali kien hemm reazzjonijiet imħallta dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li jħalli studenti universitarji bla kwalifiċi jgħallmu fl-iskejjel sekondarji.

Filwaqt li uħud irrikonoxxew li din il-miżura se ttaffi xi ftit il-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema, oħrajn insistew li mhuwiex ġust li l-għalliema preżenti kellhom jikkwalifikaw b’Masters biex ikunu jistgħu jgħallmu waqt li issa, studenti universitarji qed jitħallew jgħallmu huma mingħajr kwalifiċi…. u dan filwaqt li l-kundizzjonijiet tal-għalliema preżenti kwalifikati tħallew l-istess.