Knisja Lokali

Tingħalaq l-inkjesta djoċesana għall-kawża tal-Beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta’ Patri Avertan Fenech

Wara li fi Frar li għadda twaqqaf tribunal għall-kawża ta’ beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta’ Patri Avertan Fenech, il-Knisja llum ħabbret fi stqarrija li matul dawn ix-xhur instemgħu diversi xhieda u nġabret id-dokumentazzjoni meħtieġa dwar il-ħajja qaddisa, il-fama tal-qdusija u l-għeġubijiet tiegħu.

Il-Knisja qalet li fl-okkażjoni tal-għeluq tal-inkjesta Djoċesana dwar il-Patri Karmelitan, nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Novembru fil-5p.m. fil-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser imexxi ċelebrazzjoni bir-rit kanoniku tal-għeluq tal-inkjesta u wara se jmexxi quddiesa. Dakinhar Patri Avertan jagħlaq 74 sena mejjet.

Patri Avertan Fenech twieled il-Mosta fl-10 ta’ Lulju 1871 u ġie ordnat saċerdot fl-1896. Fil-ħajja reliġjuża tiegħu spikkaw b’mod speċjali l-virtujiet tal-modestja, l-umiltà, il-faqar u s-safa, li kienu jqanqlu lin-nies jersqu għandu għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali.

Il-qdusija u l-virtujiet tiegħu spikkaw l-iktar fi żmien il-mard, kawża ta’ attakk qawwi ta’ puplesija fl-1932, li ħallieh b’ġismu nofsu pparalizzat u b’fommu mbikkem. Is-sodda tal-mard u s-siġġu tar-roti li fuqhom dam għal 11-il sena u nofs saru mhux biss is-salib tiegħu imma wkoll il-pulptu li minn fuqhom kien iwassal l-Evanġelju.

Għalkemm Patri Avertan qatt ma kien predikatur, huwa dejjem ippriedka bl-eżempju ta’ ħajtu.

Patri Avertan jinsab midfun fil-Kappella tal-Lunzjata (tal-Karmnu), l-Imdina. Bosta huma dawk li jżuru l-qabar tiegħu sabiex jitolbu u jirreferu grazzji maqlugħa bl-interċessjoni tiegħu.