Lokali

L-MPA tikkundanna kumment ta’ Surġent tal-Pulizija dwar il-qtil barbaru ta’ Daphne Caruana Galizia

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) fi stqarrija kkundannat il-kumment li tpoġġa fuq il-midja soċjali minn Surġent tal-Pulizija li appoġġja il-qtil barbaru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’kumment fuq facebook is-surġent tal-Pulizija Ramon Mifsud kiteb li jinsab kuntent bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-MPA fl-istqarrija, qalet li tiddiżassoċja lilha nnifisha minn kull min għamel xi kumment jew b’xi mod wera xi approvazzjoni.

L-MPA sostniet li dawn it-tip ta’ kummenti jmorru direttament kontra n-natura tax-xogħol tal-Pulizija li għandu d-dover u l-obbligu legali li jiġġieled il-kriminalita’.

Il-Pulizija qiegħed hemm biex jipproteġi s-sigurta’ ta’ kull individwu u mhux biex għall-kuntrarju japprova attivita’ kriminali mill-aktar serja li saħansitra tista’ tkun qed tpoġġi taħt theddida id-drittijiet fundamentali li kull persuna għandha tgawdi f’soċjeta’ demokratika.