Lokali

Il-Partit Nazzjonalista se jingħaqad mas-soċjetà ċivili: ninsistu li ssir ġustizzja – Adrian Delia

Kif diġà wiegħed li se jagħmel, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jingħaqad mas-soċjetà ċivili u mal-poplu Malti u Għawdxi u jinsisti li f’pajjiżna ssir ġustizzja. Għalhekk nhar il-Ħadd, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jieħu sehem fid-dimostrazzjoni nazzjonali organizzata mis-Civil Society Network u qed jinkoraġixxi lill-poplu Malti u Għawdxi biex jattendi.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien qed jindirizza l-membri tal-Kumitati Sezzjonali waqt laqgħa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Adrian Delia qal li minkejja li l-Prim Ministru qed jibqa’ jinsisti li ma jridx jerfa’ r-responsabbiltà politika, l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li r-responsabbiltà tintrefà jekk verament irridu li f’pajjiżna tibda ssir il-ġustizzja.

Adrian Delia fakkar li sa mill-bidu nett wara li l-qtil politiku ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Oppożizzjoni qed tinsisti li tintrefa’ r-responsabbiltà: mill-Prim Ministru li t-tmexxija tiegħu wasslet għal kriżi fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna; mill-Avukat Ġenerali li meta kellu jaġixxi, ma aġixxiex; u mill-Kummissarju tal-Pulizija li falla fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li minbarra l-fatt li ma jridx jerfa’ r-responsabbiltà politika, l-Prim Ministru qed jirrifjuta li, l-ewwelnett jirrikonoxxi l-kriżi fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, u t-tieninett, jindirizza din il-kriżi b’deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu.