Lokali

Il-familja Caruana Galizia taċċetta l-istedina tal-Parlament Ewropew

Il-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia aċċettat stedina biex tattendi għal sessjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir għada fi Strasburgu.

Matul din s-sessjoni, il-Parlament Ewropew se jiddiskuti l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li nqatlet ġimgħa ilu fil-Bidnija, permezz ta’ karozza bomba.

Fuq talba tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani aċċetta li ma jkunx preżenti biss rappreżentant tal-familja, imma l-invit ikun estiż għall-familja kollha.

Il-familja Caruana Galizia mistennija tasal fi Strasburgu llum. Il-grupp tal-Partit Popolari Ewropew, l-ikbar grupp fil-Parlament Ewropew, kif ukoll il-Partit tal-Ħodor, qed jitolbu li ssir inkjesta sħiħa dwar dak li seħħ f’pajjiżna.

Id-diskussjoni tmur ‘lil hinn mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, iżda qed iqajjem ukoll dubji dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti, il-libertà tal-istampa u l-espressjoni ħielsa f’Malta. Tant hu hekk li dawn is-suġġetti huma nklużi fid-diskussjoni li se ssir għada.