Lokali Qtil Politiku

FILMAT: ‘Il-qtil ta’ Daphne ma jistax jibqa’ għaddej b’impunita’” – Tajani; Minuta silenzju fil-Parlament Ewropew

Minn Strasburgu

“Jeħtieġ li l-qtil ta’ Daphne ma jibqax għaddej b’impunita”. Iddikajra dan il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani meta fil-Parlament Ewropew għamel indirizz qawwi fil-preżenza tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.

“B’liema kredibbiltà nistgħu nkomplu niddefendu ‘l-ġurnalisti fid-dinja jekk ma nkunux kapaċi nagħtuhom protezzjoni u ġustizzja f’darna stess?” staqsa Tajani waqt li qal li jistenna li l-awtoritajiet Maltin jagħmlu kull sforz biex jitfgħu d-dawl fuq din il-ġrajja.

“Insostni li jeħtieġ li jkun involut ukoll l-Europol, fil-qafas ta’ investigazzjoni internazzjonali li fiha l-forzi tal-pulizija kollha jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom biex dawk li wettqu dan id-delitt jingħataw il-kundanna li ħaqqhom,” iddikjara Tajani, għall-applaws tal-Membri Parlamentari Ewropej kollha preżenti.

Preżenti wkoll fil-gallarija tal-viżitaturi kien hemm il-familja Caruana Galizia – fosthom l-Avukat Peter Caruana Galizia u t-tliet uliedha, Andrew Paul u Matthew. Malli l-President Tajani għamel referenza għall-preżenza tagħhom, l-emiċiklu tal-Parlament Ewropew żbroffa f’applaws qawwi ta’ solidarjeta’ mal-familja.

Fl-istess indirizz, Antonio Tajani ħabbar ukoll li l-kamra tal-konferenzi tal-aħbarijiet tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu se tissemma għal Daphne Caruana Galizia, storja żvelata minn NET News ilbieraħ.

Il-minuta silenzju f’nofsinhar segwiet laqgħa privata li l-familja Caruana Galizia kellha mal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani. Il-familja kellha wkoll laqgħat oħra ma’ MEPs oħrajn, fosthom ma’ delegazzjoni tal-Partit tal-Ħodor.

Dan hekk kif fi Strasburgu qed issir il-plenarja tal-Parlament Ewropew.

Antonio Tajani jiltaqa’ mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia

Sadanittant, illejla l-Parlament Ewropew se jiddiskuti l-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-liberta’ tal-istampa f’Malta.

Mistenni ‘diskors qawwi’ mill-President Tajani fil-Parlament Ewropew dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia