Lokali

David Bonello jinħatar bħala Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista

David Bonello
Il-Kumitat Eżekuttiv jiproponi li jinħatru Diretturi taħt l-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali

Il-Kunsill Amministrattiv ilbieraħ filgħaxija approva l-ħatra ta’ David Bonello bħala Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. L-istess Kunsill Amministrattiv irringrazzja lil Matthew Bonett għall-ħidma tiegħu f’din il-kariga matul l-aħħar tliet snin u nofs. Matthew Bonett issa se jkompli l-ħidma tiegħu bħala Kelliem għall-Partit Popolari Ewropew.

David Bonello għandu 31 sena u ilu jaħdem fil-qasam tax-xandir għal aktar minn 14 il-sena. Fis-sena 2007 beda l-karriera ġurnalistika tiegħu mal-istazzjon XFM Radio u sussegwentement kompla l-ħidma tiegħu fil-kamra tal-aħbarijiet ta’ Net Television. Il-karriera ġurnalistika tiegħu ssoktat fis-sena 2012 meta ngħaqad bħala ġurnalist ma’ Television Malta.

Fis-sena 2016, kiseb id-dottorat fil-liġi u fl-istess sena ngħaqad ma’ ditta tal-avukati. Riċentement David Bonello kien inħatar wkoll bħala Assistent Parlamentari lokali għall-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech.

Il-kariga ta’ David Bonello bħala Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista tidhol fis-seħħ mit-13 ta’ Novembru li ġej.

Matthew Bonett – Kelliem għall-Partit Popolari Ewropew