Il-Pulizija ressqet akkużi kriminali ta’ tixħim kontra Edward Caruana, l-eks canvasser tal-Ministru Evarist Bartolo, il-ġimgħa li għaddiet. L-akkużi tressqu baxx baxx wara li tressqu fir-Reġistru tal-Qorti Kriminali. Normalment, il-Pulizija tressaq lil persuna akkużat b’reat kriminali quddiem il-Maġistrat b’arrest jew b’ċitazzjoni.
Net News hu infurmat li l-każ kien assenjat lill-Maġistrat Joseph Mifsud li min-naħa tiegħu, astjena milli jisma’ l-każ. Issa, il-każ irid jiġi assenjat lil Maġistrat ieħor.
Edward Caruana ta’ 57 sena mir-Rabat, kien akkużat li bħala uffiċjal jew impjegat f’amministrazzjoni pubblika, ixxaħħam billi esiġa flus jew ħwejjeġ oħra bħala salarju għad-dmirijiet tiegħu. Dan kontra l-liġi jew iżjed minn dak li tippermetti l-liġi.
Hu kien akkużat ukoll li esiġa dawn il-ħlasijiet permezz ta’ theddid jew abbuż ta’ awtorita’ kif ukoll b’falsifikazzjoni ta’ dokumenti.
L-Allegazzjonijiet fil-konfront tal-eks kanvasser tal-Ministru Evarist Bartolo feġġew fis-sajf tal-2016 meta Caruana, li tpoġġa fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, kien qed jitlob somom sostanzjali ta’ flus minn kuntratturi biex iħaffef ir-rilaxx ta’ pagamenti dovuti lilhom fuq xogħolijiet fi skejjel tal-Gvern. Dawn qajjmu diversi mistoqsijiet hekk kif fl-istess żmien, Edward Caruana qed jiżviluppa blokka kbira ta’ appartamenti fir-Rabat.
F’każ minnhom, kuntrattur Għawdxi allega li Caruana kien talbu €30,000 biex iħaffef pagament fuq xogħolijiet li saru fuq l-estensjoni tal-bini tas-Sixth Form Mikielanġ Refalo fir-Rabat Għawdex.
Dawn l-allegazzjonijiet u n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Ministru Evarist Bartolo, wasslu biex f’Diċembru li għadda, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Philip Rizzo jirriżenja mill-kariga.
Diversi tentattivi minn numru ta’ ġurnali f’dawn l-aħħar ġimgħat sabiex jinxteħet dawl fuq l-andament tal-investigazzjoni mill-Pulizija baqgħu mingħajr tweġiba.
//= $special ?>