Internazzjonali

Daqshekk ‘beer bikes’ f’Amsterdam

Il-kapitali Olandiża Amsterdam se twaqqaf il-kiri ta’ dawk li huma magħrufa bħala beer bikes wara xi ilmenti mir-residenti tal-belt.
Dawn aktar milli roti huma karettuni b’mejda ta’ bar fin-nofs li jistgħu jġorru grupp fuqhom. Huma popolari mat-turisti biex jiċċelebraw waqt li jivvjaġġaw fuqhom madwar Amsterdam.
Imma issa, qorti tat permess lill-uffiċjali biex dawn ikunu projbiti għaliex kienu “problema għall-ordni pubbliku”.
Issa, kelliem għall-kunsill lokali ta’ Amsterdam qal li mill-Erbgħa, dawn il-beer bikes ma jistgħux jinkrew aktar.
Is-sena li għaddiet mas-6,000 persuna ffirmaw petizzjoni biex il-kunsill ta’ Amsterdam jipprojbixxi dawn ir-roti għaliex kienu qed iwasslu għal imġiba mhux-xierqa fil-kapitali Olandiża u kien qed jattiraw it-turisti żbaljati.
Eberhard van der Laan, is-Sindku ta’ Amsterdam u li miet ix-xahar li għadda, kien ipprojbixxa dawn ir-roti, imma s-sidien tagħhom fetħulu kawża l-qorti għaliex sostnew li l-kunsill kien qed jindaħal fil-libertà tan-nies. Il-kawża għalqet it-Tlieta u tat raġun lil Van der Laan.
Il-qorti qalet li l-aġir mhux-xieraq kif ukoll it-tħarbit fit-traffiku fiċ-ċentru tal-kapitali kien biżżejjed biex dawn ikunu pprojbiti.