L-infermiera fl-isptar Monte Karmeli taw ultimatum lill-Gvern u lill-awtoritajiet tas-saħħa minħabba s-sitwazzjoni diżastruża u perikoluża f’dan l-isptar. L-isptar ilu xhur twal fi stat mitluq, iżda l-periklu u l-abbandun ħareġ aktar fil-beraħ il-ġimgħa li għaddiet meta ċeda saqaf fl-isptar.
Skont rapporti fil-media, il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (l-MUMN) bagħtet ittra lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa ta’ Chris Fearne, fejn fiha ntqal li l-infermiera lesti li jmorru għal azzjonijiet industrijali jekk l-affarijiet ma jitranġawx. Jirriżulta wkoll li l-infermiera qed jgħidu li qed iħossuhom qishom infermiera tat-tieni jew it-tielet klassi.
Dan hekk kif qed tiżdied il-kritika għall-kundizzjonijiet diżastrużi fl-infrastruttura tal-isptar. Apparti x-xogħlijiet ta’ tiswija wara li ċedew xi soqfa fil-jiem li għaddew, hemm soqfa oħra li jinsabu fi stat diżastruż tant li kellhom jiġu nstallati scaffoldings tal-ħadid biex fuqhom iserrħu s-soqfa.
Dan apparti rapporti oħra separati ta’ pazjenti li għal xi żmien kellhom jitraqqdu fuq is-saqqijiet mal-art minħabba nuqqas ta’ sodod.
Imma s-sitwazzjoni perikoluża u diżastruża tal-isptar m’għadhiex moħbija u mistura fil-konfini tal-iswali ta’ Monte Karmeli hekk kif aktar u aktar nies qed isemmgħu leħinhom dwar il-qagħda gravi f’dan l-isptar. Fost dawn hemm wieħed mid-Dekani tal-Università ta’ Malta – il-Professur Andrew Azzopardi.
Fuq Facebook, Andrew Azzopardi kiteb: “Konna nħallu din il-pastażata kieku l-isptar ma kienx għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali? Jekk din l-oxxenità għadha hemm bħalissa, imissna nistħu ngħidu li għandna servizzi tas-saħħa ‘state of the art’, politika soċjali ġusta u ġeneruża b’rispett lejn min huwa fil-bżonn u vulnerabbli.” qal Andrew Azzopardi. “Missna nistħu kollha kemm aħna nbexxqu għajnejna għal dan. X’soċjetà ħanina hi din?” temm jgħid.
//= $special ?>