Lokali

Il-Gvern b’attitudni ta’ ‘Big Brother’

Matul is-sena li għaddiet il-Gvern Malti għamel total ta’ 358 talba lil Facebook biex jikseb informazzjoni dwar accounts partikolari.

Bejn Jannar u Gunju 2016, minn naħa tal-Gvern saru 169 talba fuq users differenti – bejn Lulju u Diċembru tas-sena l-oħra saru 189 talba.

Fi kliem qasir, il-Gvern talab lil Facebook biex jingħata informazzjoni fuq kważi 360 user jew account ta’ Facebook.

F’dan il-kuntest iqumu diversi domandi, l-aktar meta wieħed janalizza l-informazzjoni ppubblikata din il-ġimgħa minn Facebook stess dwar it-talbiet tal-Gvern Malti. Talbiet illi mhux dejjem ġew aċċettati. Fil-fatt, f’25% tal-każi, ma ingħatat l-ebda informazzjoni minn naħa ta’ Facebook lill-Gvern.

Fl-2016, il-Gvern għamel tliet talbiet illi kienu talbiet ta’ emerġenza għall-informazzjoni. Minn dawn, Facebook wieġeb billi ta informazzjoni dwar zewg kazijiet – illi jfisser li kien hemm talba partikolari li saret b’emerġenza, illi dwarha ma ingħatat l-ebda informazzjoni minn naħa ta’ Facebook.