Lokali

Applikaw biss 15-il student għall-American University of Malta

"Is-sitwazzjoni hi serja ħafna, u ħadd ma jaf fejn sejjer dan il-proġett"

L-American University of Malta falliet bil-kbir milli taqbad art f’pajjiżna – qalet dan il-gazzetta The Sunday Times of Malta, li ddeskriviet dan il-proġett bħala wieħed li ingħata ħafna pompa u importanza mill-Gvern Malti bħala parti mir-riġenerazzjoni tan-naħa tan-Nofsinhar ta’ Malta.

Fl-artiklu, il-gazzetta qalet kif f’Settembru din l-Universita’ fetħet għall-ewwel sena akkademika tagħha, bi ftit studenti. Il-pjan kien li l-Universita’ kellha sservi għal 1,000 student fl-ewwel sena, u madwar 4,000 wara 4 snin – madanakollu applikaw biss madwar 15-il student. Ir-rapport iżid ukoll li dawn il-15-il student kienu diġa’ qegħdin hawn Malta, u ħafna minnhom diġa’ telqu minn pajjiżna. Jidher li falla wkoll il-pjan li jiġu mal-200 student Ċiniż jitgħallmu.

L-istituzzjoni edukattiva li hi ffinanzjata minn grupp ta’ kostruzzjoni Ġordanjan, għandha nuqqas kbir ta’ investiment u staff – hekk kif bosta għalliema u letturi ta’ din l-universita’ ġew imkeċċija. The Sunday Times of Malta żvelat illi sorsi qrib it-tmexxija ta’ din l-American University of Malta qalu li: “S’issa l-esperjenza tagħna f’Malta hi waħda diffiċli ħafna u ħadd ma jaf fejn sejjer dan il-proġett”. Komplew jgħidu li l-grupp Ġordanjan li investa, iġifieri Sadeen Group, ikkalkula ħażin dan l-investiment jew inkella ġie żgwidat biex jinvesti. Dawn is-sorsi żiedu:

“Li hu żgur hu li l-Universita’ m’għandhiex studenti u m’hemmx flus. Filfatt, membri tal-istaff qed jitkeċċew kull ġimgħa”.

Sorsi infurmaw lill-istess gazzetta, li biex iżżid mad-diffikultajiet li qed tesperjenza din l-Universita’ – jidher li dawk l-istess għalliema u letturi li tkeċċew se jkunu qegħdin jirrikorru l-Qorti dwar il-mod kif tilfu l-impjieg tagħhom mill-American University of Malta. Dan hekk kif huma qalu li ma ngħataw l-ebda raġuni għat-terminazzjoni tal-post tax-xogħol tagħhom li seħħet ftit qabel jagħlaq it-terminu tas-sitt xhur probation.

L-istess sorsi tennew, “Ma jistax ikollok Universita’, jekk m’għandekx studenti interessati li jitgħalmu fiha”.