Lokali

FILMAT: Isir id-dibattitu dwar is-saltna tad-dritt f’Malta fil-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew bħalissa qed jiddiskuti s-saltna tad-dritt f’Malta fl-isfond tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġimgħat ilu.

15:06 Frans Timmermans (Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea): Il-priorità għall-Gvern Malti għandha tkun li tinstab ġustizzja, li jsir dak kollu possibbli biex il-ħatja tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jaffaċċjaw il-ġustizzja.

Jista’ jsir titjib fuq diversi aspetti tal-mod kif jaħdmu l-istituzzjonijiet Maltin. Hu għalhekk li l-Kummissjoni qed tanalizza l-mod kif Malta se taġixxi dwar dan. Irridu naraw li l-pajjiżi kollha, inkluż Malta, jdaħħlu fis-seħħ il-proviżjonijiet tal-liġi kontra l-ħasil tal-flus.

15:11 Esteban González Pons (PPE): Li kieku mhux għal dan il-qtil ma konniex inkunu nafu b’dak li qed jiġri f’Malta. Ta’ dan imissna nistħu. Sibna li f’Malta hemm politikanti li għandhom rabtiet ekonomiċi u politiċi, kif ukoll indħil politiku fil-midja fost l-oħrajn. Ma nistgħux nibqgħu siekta.

Hu għalhekk li qed nitolbu li l-Kummissjoni trid tibda diskussjoni, tittieħed azzjoni fuq ħasil tal-flus u wkoll investigazzjoni indipendenti u internazzjonali wara l-qtil ta’ Daphne Caruaana Galizia.

15.13 Tanja Fajon (S&D): Il-Gvern Malti jrid jaġixxi b’mod determinanti wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u jikkopera mal-istituzzjonijiet Ewropej.

15.16 Maite Pagazaurtundúa (ALDE) Daphne Caruana Galizia kienet qed tinvestiga affarijiet f’Malta, keent qed tiġġieled l-impunità f’dan il-pajjiż. Irridu naraw li dan ma jerġax jiġri mill-ġdid u ma nibkux dmugħ tal-kukkudrilli. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker għandu jissospendi l-ħbiberija tiegħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat u naraw li nikkjarifikaw is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta.

15.20 Sven Giegold (Verts/ALE): Il-Financial Supervisor ta’ Malta, Joe Bannister, għandu kunflitti ċari. Hemm bżonn li jiġu ċċarati diversi mistoqsijiet li qed jitqajmu dwar Malta u s-servizzi finanzjarji tal-pajjiż.

15.25 Raymond Finch (EFDD): Malta fil-passat kienet pajjiż li kapaċi tiddistingwi ruħha, u issa għandha ċ-ċans li terġa’ tagħmel l-istess.

15.26 Edouard Ferrand (ENF): Malta mhix tissemma’ fl-aħbarijeit għal skopijiet tajbin kemm minħabba l-evażjoni fiskali kif ukoll il-korruzzjoni. Malta hi mmexxija minn gang kriminali. L-Unjoni Ewropea għandha tibgħat missjoni ta’ membri parlamentari biex tinvestiga lil Malta.

15.27 Frank Engel (PPE): L-istituzzjonijiet f’malta ġew privatizzati, b’partit wieħed li wassal għal sitwazzjoni fejn krimini bħal din setgħet isseħħ. Il-Prim Ministru ħarab milli jiddefendi lil pajjiżu billi jaffaċċja lilna dwar dak li għaddej f’Malta. Prim Ministru li jdur id-dinja, f’każi bħall-Ażerbajġan fejn imur waħdu regolarment biex iġib affarijiet li ħadd ma jaf x’inhuma.

15.31 Bernd Lucke (ECR): Malta għandha l-poter li timplimenta l-leġiżlazzjoni u qed tirrispetta r-regoli tal-Unjoni Ewropea?

15:33 Louis Michel (ALDE): Il-kollega Alfred Sant jidher li jrid inaqqas mill-importanza tal-qtil li seħħ f’Malta. Malta rrifjutat li tieħu sehem fil-European Public Prosecutor’s Office li għandu l-iskop li jiġġieled il-frodi.

15:37 Eva Joly (Verts/ALE): Elezzjoni ġdida mhix se twaqqaf investigazzoni tal-Pulizija dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-Gvern Malti irid jifhem li l-investigazzjonijiet tagħha mhux se jieqfu mal-mewt tagħha, imma ġurnalisti oħra se jkomplu xogħolha.

15.40 Georg Mayer (ENF): Fl-aħħar xhur smajna dwar droga u korruzzjoni fost il-politiċi. X’qed jiġri f’Malta? Dan hu dak li rridu nsaqsu.

15.41 David Casa (PPE): FIAU f’Malta qed titkellem dwar korruzzjoni, iżda ma tittieħed l-ebda azzjoni. Is-saltna tad-dritt f’Malta għandha bżonn lill-Kummissjoni Ewropea li tieħu azzjoni immedjata. L-Unjoni Ewropea ilha taf dan, iżda l-Kummissjoni naqset milli tingħaqad mal-poplu Malti u tieħu azzjoni dwar il-korruzzjoni f’Malta. Tibqgħux tinjorawna.

15.43 Eugen Freund (S&D): Ma nafux x’setgħet tikxef iżjed Daphne Caruana Galizia. Ninsab preokkupat li l-barranin qed jitħallew jixtru ċittadinanza Maltija, bil-konsegwenza li qed niftħu l-bibien tal-Ewropa għal ftit ewro. Is-saltna tad-dritt ma tistax tiġi mkasbra.

15.49 Ignazio Corrao (EFDD): Il-Parlament Ewropew gġandu jibgħat missjonijiet oħra lejn malta biex janalizza dak li qed jiġri fil-pajjiż, fost l-oħrajn dwar l-impunità li teżisti fil-pajjiż.

15.51 Dominique Bilde (ENF): Kull stqarrija li qed issir f’Malta f’dak li għandu x’jaqsam mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed issir biex jinħeba n-nuqqas tal-pajjiż fil-konfront tal-korruzzjoni.

15.52 Roberta Metsola (PPE): Il-Parlament Ewropew hu l-aħħar difensur li fadal għal Malta, biex naraw li ħadd ma jgħaffeġ fuq id-drittijiet tagħna mingħajr azzjoni. Hu inaċċettabbli l-midja tinsab mhedda, li l-Pulizija ma jinvestigawx il-korruzzjoni. Sadattant il-Prim Ministru juża d-diskorsi tiegħu biex jattakkana bħala tradituri.

15.57 Zdzisław Krasnodębski (ECR): Dan mhux l-ewwel każ ta’ korruzzjoni ġej minn Malta. Niftakru l-każ tal-Kummissarju Ewropew tas-Saħħa, John Dalli. Dan hu pajjiż li qed ibiegħ il-passaporti tiegħu. Kollox jindika li Malta nbidel f’pajjiż ta’ krimini organizzata.

16.00 Werner Langen (PPE): Waqt li aħna niddiskutu dak li għaddej f’Malta, il-Prim Ministru Malti jmur Hong Kong ibiegħ il-passaporti, bl-iskuża li jippromwovi l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol. Dan hu l-mod kif jaħdem il-Gvern Malti. Il-prosekuturi f’Malta m’għandhomx il-poteri li għandhom bżonn biex jiġġieldu l-illegalitajiet. Is-sħubija tal-Prim Ministru Joseph Muscat għandha tkun sospiża sakemm ikun żgurat li Malta qed tosserva l-liġijiet Ewropej. Smajna b’każi fejn min investiga f’Malta ġie mkeċċi.

16.03 Ana Gomes (S&D): Is-sigurtà f’Malta hi mhedda. Il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet biss l-iktar eżempju ċar ta’ dan imma mhux l-uniku.

16.05 Lara Comi (PPE): Il-Gvern Malti messu jkun fuq quddiem biex jara li ssir ġustizzja. Meta pajjiż ibiegħ iċ-ċittadini tiegħu, u jkun qed ibiegħ l-oriġini u d-dinjità tiegħu, kif nistgħu nitkellmu dwar saltna tad-dritt li tirrenja?

16.07 Juan Fernando López Aguilar (S&D): Fi ftit xhur f’Malta rajna sitt karozzi bomba f’Malta. Fil-pajjiż għandna problema inaċċettabbli ta’ ħasil ta’ flus u profitti minn illegalitajiet organizzati. Hemm bżonn issir investigazzjoni indipendenti u internazzjonali dwar il-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia.

16.11 Michał Jan Boni (PPE): Il-Gvern ‘has let down’ lil Malta. Rajna Uffiċjali għolja tal-Gvern implikati fil-korruzzjoni. Qed naraw lill-Pulizija li jiddefendu lill-Gvern. Dawn kollha huma fatturi li juru kollass tas-saltna tad-dritt f’Malta. Smajt li s-Soċjalisti f’malta għajjru lill-kollegi tagħna tradituri u dan mhux aċċettabbli. Nieqfu magħhom u ma’ Malta.

16.15 Monika Hohlmeier (PPE):  Irridu ngħinu lil Malta teħles millkrimini organizzata. Irridu nappoġġjaw lil min qed jivnestiga fost l-oħrajn il-bejgħ tal-passaport Malti, inkluż persuni suspettużi, kif kienet qed tagħmel ukoll Daphne Caruana Galizia.

16.20 Agustín Díaz De Mera García Consuegra (PPE): Il-Pulizija f’Malta ma tinvestigax, il-Gvern li jitkellem imma ma jaġixxix. Il-Gvern u l-Pulizija jridu jkunu involuti fl-investigazzjonijiet. Ma nistgħux inħallu li s-saltna tad-dritt tiddgħajjef. Nilqgħu li żewġ uffiċjali tal-Europol huma nvoluti f’Malta, imma nitlob lill-Parlament li jidħol f’diskussjoni mmedjata ma’ Malta.

16.24 Milan Zver (PPE): Malta għandha problema bil-funzjoni tas-saltna tad-dritt u l-espressjoni libera tal-midja. Jekk il-midja, il-Pulizija u l-awtoritajiet mhux indipendenti f’dan il-pajjiż, mela għandna problema.

16.26 Christel Schaldemose (S&D): Għandna bżonn ngħinu lil Malta biex isaħħu is-saltna tad-dritt f’Malta, inkluż it-trasparenza fil-pajjiż.

16.28 Cécile Kashetu Kyenge (S&D): Sistemà korrotta li taħdem kontra l-valuri tad-demokrazija hi l-ħtija tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. M’hemmx persuna waħda li waħidha hi responsabbli ta’ dak li seħħ.

15.29 Michaela Šojdrová (PPE): Ilna nsaqsu dwar is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’malta għall-aħħar snin. Issa lħaqna l-quċċata. Il-qtil hu simbolu tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Gvern Malti wettaq att viljakk. Lill-kollegi soċjalisti Maltin nappellalhom biex jagħmlu pressjoni fuq il-Prim Minsitru biex jieħu azzjoni iktar drastika.

15.31 Lívia Járóka (PPE): Għandna ma smajniex risposta ċara dwar Malta. Irridu li Malta tingħaqad fi djalogu mal-Parlament Ewropew biex tkun diskussa s-sitwazzjoni fil-pajjiż.

16.32 Francis Zammit Dimech (PPE): Qed ngħixu f’sitwazzjoni fejn min qed jgħidilna li qed jinvestiga, hu l-istess persuna li ma għamel xejn fil-konfront tal-iskandli li kixfet. Min jgħid li jrid ġustizzja għaliha, ma pproteġihiex meta kienet ħajja.

16.33 Dariusz Rosati (PPE): F’Malta sibna nuqqas ta’ kooperazzjoni, bil-Prim Ministru u uffiċjali għolja bħal keith Schembri li ma ridux jiltaqgħu magħna.

16.34 Paulo Rangel (PPE): L-awtoritajiet Maltin għandhom jirrispettaw ir-regoli Ewropej. Malta storikament u għandha tkun il-bastjun tad-drittijiet, saltna tad-dritt u l-indipendenza tal-ġustizzja bħala l-bieb tal-Ewropa.

Fil-konklużjoni tiegħu, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans  qabbel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mal-qtil ta’ Paolo Borsellino u Giovanni Falcone fl-Italja, li nqatlu għax iġġieldu lill-mafja.

“Nassigura lil kulħadd li ħadna nota tal-mistosijiet li tqajmu llum u l-Kummissjoni Ewropea mhux se tieqaf, u jekk hemm bżonn issir investigazzjoni, biex nieħdu dawn it-tweġibiet,” iddikjara Timmermans.

Tkellem ukoll dwar il-bejgħ tal-passaporti minn Malta, fejn qal li matul is-sena d-dieħla se jiġi ppreżentat rapport dwar dan u appella mill-ġdid biex pajjiżna jingħaqad mal-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekutur Pubbliku li għandu l-poter li jinvestiga u jieħu azzjoni fil-konfront ta’ każi kriminali li jaffettwaw il-baġit tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-korruzzjoni u frodi.