Lokali

Il-Parlament Ewropew jivvota b’saħħa favur ir-riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta

Illum il-Parlament Ewropew ivvota b’saħħa favur ir-riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta. Dan wara li lbieraħ kien hemm dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, dibattitu li sar anke wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru li għadda.

Fil-Parlament 466 Membru Parlamentari Ewropew ivvotaw favur ir-riżoluzzjoni, 49 ivvotaw kontra u kien hemm 167 astensjoni.

Ir-riżoluzzjoni ssejjaħ il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar biex jinvestiga l-Panama Papers u titlob ukoll biex l-awtoritajiet Maltin jinvestiga il-liċenzja tal-Bank Pilatus.

Il-Kummissjoni Ewropea issa se tibda djalogu dwar is-saltna tad-dritt mal-Gvern Malti għal investigazzjoni internazzjonali u indipendenti dwar il-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ir-riżoluzzjoni ssejjaħ ukoll biex il-Kummissjoni issegwi l-programmi taċ-Ċittadinanza f’pajjiżi Membri tal-Unjoni Ewropea, bħal Malta.

Ir-riżoluzzjoni issa se tgħaddi għand il-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, Gvernijiet u l-Parlamenti tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u l-President ta’ Malta.

Għadda ż-żmien fejn wieħed jibqa’ inattiv – it-tliet MEPs eletti f’isem il-PN

It-tnaqqir u l-kollass eventwali tas-Saltna tad-Dritt f’Malta hi intenzjonata u bdiet numru ta’ snin ilu sakemm illum saret għalkollox inaċċettabbli.

Hekk iddikjaraw fi stqarrija t-tliet Membri Parlamentari Ewropej eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech.

Huma qalu li meta naslu fi stat li Ġurnalist jispiċċa bejn is-Saltna tad-Dritt u dawk li jkunu qed jimminaw is-Saltna tad-Dritt, l-aktar li jbati hu l-Ġurnalist, tant li saħansitra jiġi maqtul.

Hu għalhekk li t-tliet MEPs Maltin appellaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Gvern Malti biex jinnota l-pożizzjoni ċara meħuda mill-Parlament Ewropew, fejn il-Gruppi politiċi kollha tkellmu b’vuċi waħda favur il-poplu Malti u kontra l-korruzzjoni jew l-abbuż tal-poter.

Casa, Metsola u Zammit Dimech qalu li jekk wieħed jibqa’ sieket ikun kompliċi u għalhekk, issa għadda ż-żmien fejn wieħed jibqa’ inattiv.