Angelo Mangion ta’ 60 sena minn Ħal Qormi nqatel bi sparatura f’ħanut tat-tapezzerija fi Triq l-Imdina f’Ħ’Attard. Fl-isparatura kien ferut sid il-ħanut, Raymond Grima.
Kien għall-ħabta tas-6:20p.m. meta r-raġel, li kien qed isuq mutur fi Triq l-Imdina, waqaf quddiem garaxx tat-tapizzar Raymond’s Upholstery, daħal fil-ħanut liebes elmu f’rasu u beda jispara b’revolver fid-direzzjoni taż-żewġ persuni, li dak il-ħin kienu fil-ħanut. Il-vittma maqtula fl-isparatura kien għadu kif ipparkja l-karrozza u daħal fil-garaxx tat-tapizzar. Il-qattiel, li kien deskritt mix-xhieda bħala “raġel twil u irqiq”, imbagħad daħal fil-ħanut ftit wara.
Kawża tal-ispartura, Angelo Mangion inqatel bi 3 tiri u s-sid tan-negozju, Raymond Grima, indarab gravi wara li ntlaqat b’4 tiri. Hu kien operat mmedjatament kif iddaħħal l-isptar, iżda jidher li qabel operawh irnexxielu jitkellem ftit mal-Pulizija.
Fuq il-post immedjatament issejjħu numru kbir ta’ Pulizija kif ukoll żewġ ambulanzi, li waħda minnhom ħadet lir-raġel ferut lejn l-isptar Mater Dei skortata mill-Pulizija. Marru ukoll numru kbir ta’ uffiċjali mit-Taqsima tal-Forensika, li mill-ewwel bdew jistħarrġu l-garaxx fejn seħħ il-qtil u elevaw l-evidenza. NET News huwa nfurmat li fil-garaxx kien hemm anke passi bid-demm.
Hekk kif il-katavru ta’ Angelo Mangion iddaħħal fil-hearse tal-Pulizija, waslu l-qraba tiegħu mbikkma għall-aħħar.
Bħalissa għaddejja tfitxija kbira għall-agressur mill-Pulizija, mgħejuna minn ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta, hekk kif huwa maħsub li ħarab fid-direzzjoni tar-Rabat.
S’issa għadha mhix magħrufa r-raġuni wara din l-isparatura.
Dwar il-każ inħatret inkjesta, immexxija mill-maġistrat tal-Għassa Aaron Bugeja, u fuq il-post waslu diversi esperti tal-forensika sabiex jelevaw kull traċċa mix-xena tad-delitt. Żar ukoll il-post il-kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar.
Minħabba dan il-qtil, parti kbira minn Triq l-Imdina ngħalqet għat-traffiku. Il-Pulizija għalqu Triq l-Imdina mid-direzzjoni tar-Rabat, fejn il-pompa tal-petrol, ftit ‘il fuq mill-isptar Monte Karmeli.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej …