Lokali

L-Aġenziji kollha tal-UE approvati mill-Awdituri….. ħlief dik f’Malta

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri iddikjarat li 40 mill-41 aġenzija tal-Unjoni Ewropea mxew mar-regolamenti. L-unika eċċezzjoni hi l-Aġenzija Ewropea għall-Appoġġ għall-Ażil (EASO) li hi bbażata f’Malta, fejn l-awdituri sabu nuqqasijiet fil-proċess ta’ xiri u tendering.

Il-ġurnal Times of Malta jirrapporta li fl-2016, l-EASO kellha baġit ta’ €53 miljun u l-Qorti sabet nuqqasijiet fi tnejn mill-ħames proċeduri ewlenin fejn jidħol xiri.

F’każ partikolari, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabet li kuntratt ta’ €4 miljun għal servizzi ta’ vjaġġar inkiser il-prinċipju ta’ trattament indaqs fejn żewġ bidders intalbu jissottomettu informazzjoni addizzjonali u t-tielet wieħed ma saritlux l-istess talba.

F’każ ieħor, l-Awdituri  sabu li kuntratt ta’ €3.6 miljun ingħata lil kumpanija waħda mingħajr ma ġew segwiti l-proċeduri ta’ xiri u għaldaqstant pagamenti oħrajn ta’ €600,000 huma meqjusa bħala irregolari.

F’dawn iż-żewġ każi l-Aġenzija wieġbet li l-ewwel kumpanija kienet l-unika waħad li kienet kapaċi tonora l-kuntratt filwaqt li fit-tieni każ, l-uffiċjali tal-EASO qalu li ħadu din it-triq minħabba l-urġenza tal-każ.

Il-Qorti tal-Awdituri sabet ukoll nuqqasijiet ta’ proċeduri interni mħaddma mill-Aġenzija f’Malta. Każ partikolari hu ta’ containers li kienu jiswew €850,000 li nqerdu għal kollox f’irvellijiet f’kampijiet tal-immigranti fl-Italja u fil-Greċja. L-Awdituri sabu li l-EASO naqset milli tieħu polza ta’ assikurazzjoni biex jilqa’ għal riskji bħal dan kif titlob il-proċedura.