Il-Familja ta’ Daphne Caruana Galizia illum ippreżentat rikors Kostituzzjonali quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija fejn qed jingħad li l-involviment tad-Deputat Kummissarju Silvio Valletta, li hu miżżewweġ ma’ Ministru fil-Kabinett tal-Gvern, fl-investigazzjoni tal-qtil tagħha, qed iwassal għal ksur tad-Drittijiet Fondamentali tal-Bniedem.
L-Avukat Peter Caruana Galizia, armel ta’ Daphne, u uliedhom Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia, fir-rikors stqarru li d-Deputat Kummissarju Valletta hu a politically exposed person (PEP) għaliex huwa miżżewweġ lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana. Ir-rikors ikompli li l-istess Deputat Kummissarju Valletta hu wkoll membru maħtur fuq il-bord tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) u fil-kors tax-xogħol investigattiv tagħha, kemm il-Ministru Caruana, l-FIAU kif ukoll id-Deputat Kummissarju Valletta innifsu, kienu ta’ spiss is-suġġett ta’ kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fil-fatt, il-ħidma investigattiva ta’ Daphne Caruana Galizia, inkludiet kitbiet fir-rigward tal-FIAU li kienu kritiċi għan-nuqqas ta’ aġir kif ukoll ta’ nuqqasijiet tal-membri tal-istess bord tal-FIAU li jinkludu d-Deputat Kummissarju Silvio Valletta, li issa qed imexxi l-investigazzjoni dwar il-qtil tagħha.
Il-familja Caruana Galizia issostni li fid-dritt fondamentali għall-ħajja, wara kull qtil, l-Istat għandu l-obbligu li jmexxi investigazzjoni dwar dan il-qtil li għandha tkun effettiva billi titmexxa b’mod indipendenti u imparzjali. Dan billi tagħmel analiżi oġġettiva ta kull prova li tinstab minn investigaturi li huma nfushom jilħqu l-kriterji ta’ oġġettivita’ u imparzjalita.
Dawn il-persuni, ikompli r-rikors għandhom ikunu “meħlusa minn kull konnessjoni li tista’ titfa’ dell fuq il-kriterji ta’ oġġettivita’ u imparzjalita'” u għaldaqstant hu d-dmir tal-Kummissarju tal-Pulizija li mhux biss jara li l-investigazzjoni issir skont il-liġi iżda trid issir ukoll skont il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem.
L-istess dritt tal-ħajja ipoġġi wkoll l-obbligu li l-familja tal-vittma ikunu infurmati dwar l-andament, il-proċess u t-tmexxija tal-istess investigazzjoni. Jirriżulta li mhux talli l-familja Caruana Galizia mhux qed tinżamm infurmata dwar l-andament tal-investigazzjoni mill-Pulzija, talli “fil-gazzetti jidhru diversi leaks dwar dak li qed jiġri fl-investigazzjoni”.
Dan kollu jwassal, jew x’aktarx iwassal, għal nuqqas ta’ smiegħ xieraq fil-konfront tal-familja Caruana Galizia, li bħala eredi tal-vittma, għandhom interess f’dan il-każ.
Għaldaqstant ir-rikors qed jitlob il-Qorti tiddikjara li l-involviment tad-Deputat Kummissarju Silvio Valletta fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed jikser id-dritt għall-ħajja għaliex hu nieqes mill-imparzjalita’ u l-indipendenza li hi meħtieġa f’investigazzjoni ta’ telf ta’ ħajja. Il-Qorti wkoll intalbet tiddikjara li dan in-nuqqas jammonta wkoll għal ksur tad-dritt għal smiegħ xieraq u konsegwentement tordna li d-Deputat Kummissarju Silvio Valletta m’għandux jipparteċipa fl-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li kwalunkwe deċiżjoni jew att li diġa’ saru, jiġu riveduti minn min jitqabbad minfloku.
Ir-rikors kien iffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.
//= $special ?>