Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa talab lill-Bord ta’ Superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jintervjeni fil-każ tal-Bank Pilatus. David Casa kellu jirrikorri għall-intervent tal-Bank Ċentrali Ewropew wara li t-talbiet tiegħu lill-MFSA waqgħu fuq widnejn torox.
Il-Bank Pilatus – li hu bbażat f’Malta – jinsab fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-Panama Papers. Kienet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – li nqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017 – li rrapportat b’mod estensiv dwar dan il-bank.
Fl-istqarrija, li fiha ppubblika l-ittra li bagħat liċ-Chairperson tal-Bord ta’ Superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew Danièle Nouy, David Casa qal: “Ir-rapporti tal-FIAU jiżvelat li l-klijenti tal-Pilatus Bank – kważi kollha – huma persuni politiċi mill-Ażerbajġan.
Il-kontijiet fil-Bank Pilatus ġew użati wkoll biex jinħaslu flus minn commissions illegali mill-bejgħ tal-passaporti liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. F’investigazzjoni oħra tal-FIAU sar magħuf li fil-kontijiet tal-Pilatus Bank inħaslu flejjes li għaddew mingħand Keith Schembri lill-eks Direttur Maniġerjali tat-Times of Malta.
F’każ ieħor, żvelat minn Daphne Caruana Galizia, nstab li, Cheng Chen, impjegat ta’ Accenture Strategy li f’isem il-kumpanija tal-Gvern Ċiniż Shanghai Electric, innegozja x-xiri tal-Power Station ta’ Malta u sehem kbir tal-kumpanija tal-elettriku f’Malta l-Enemalta, kellu kumpanija offshore b’kont fil-Bank Pilatus. Partijiet mir-rapport tal-investigazzjoni tal-FIAU żvelaw li Cheng Chen kien mistenni jirċievi miljun ewro ħlas minn dan id-deal fil-kont tiegħu fil-Bank Pilatus.
L-evidenza hi kbira ħafna u f’ħafna każijiet hi konklussiva. Il-ksur tal-liġi tal-ħasil tal-flus mill-Bank Pilatus – kif żvelat mill-FIAU – tant hi kbira li jidher li dan hu l-mudell ta’ negozju li juża dan l-istess bank.
Il-fatt li l-evidenza tirrelata daqshekk ċar l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Malta mal-Bank Pilatus jissuġġerixxi li jekk il-Bank Ċentrali Ewropew mhux se juża l-poteri legali li għandu biex jintervjeni, din l-istruttura ta’ ħasil ta’ flus se tibqa’ topera f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Il-Pilatus Bank issemma wkoll bi prominenza fir-riżoluzzjoni riċenti approvata mill-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’Malta. Hu ta’ għajb kbir li l-Bank jitħalla b’liċenzja biex jopera fl-Unjoni Ewropea.
David Casa sostna li filwaqt li jifhem li ma jeżisti ebda preċedent, jinsisti, li minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, il-Bord ta’ Superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew mwaqqaf taħt is-Single Supervisory Mechanism, għandu d-dmir li jintervjeni. David Casa qed nitlob li l-liċenzja tal-Bank Pilatus tiġi revokata.
David Casa temm jgħid li jinsab infurmat li l-Bank Ċentrali Ewropew irċieva l-ittra tiegħu kif ukoll ir-rapporti relevanti tal-FIAU, u li dawn għaddew għand il-units rispettivi.”
Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja bi sħiħ l-inizjattiva tal-MEP David Casa
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sostna li jappoġġja bi sħiħ l-inizjattiva meħuda mil-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa li talab lill-Bord ta’ Superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jintervjeni fil-każ tal-Bank Pilatus.
Il-Partit Nazzjonalista sostna li huwa ta’ għajb li David Casa ma kellux triq oħra għajr li jirrikorri għall-intervent tal-Bank Ċentrali Ewropew wara li t-talbiet tiegħu lill-MFSA waqgħu fuq widnejn torox.
Il-Bank Pilatus jinsab fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-Panama Papers fost l-oħrajn.
Il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija sostna li se jkun qed jagħti l-appoġġ kollu tiegħu f’kull żvillupp li jista’ jseħħ f’dan ir-rigward.
//= $special ?>