Lokali

Il-kelliem ta’ Muscat Manwel Cuschieri jattakka l-Qorti wara li r-raġel li hedded lil Metsola nżamm taħt arrest

F'nifs wieħed qal li jikkundanna, f'nifs ieħor qal li ma kienx ħaqqu hekk
Jgħid li r-raġel li hedded li "jaħraq" lil Metsola ħajja, ma kienx ħaqqu jinżamm taħt arrest

Il-kelliem ta’ Joseph Muscat u esponent Laburista Manwel Cuschieri fetaħ attakk fuq il-Qrati Maltin wara d-deċiżjoni tagħhom li ma jagħtux libertà proviżorja lir-raġel li hedded lill-MEP Roberta Metsola.

Meta kien qed jitkellem fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, Manwel Cuschieri qal li d-deċiżjoni tal-Qorti li ma tatix libertà proviżorja lil dan ir-raġel kienet ‘esaġerata’.

Fl-istess nifs li qal li mhux lest li jattakka l-Qrati Maltin, il-kelliem ta’ Joseph Muscat iddikkjara li d-deċiżjoni tal-Qorti kienet esaġerata.

“Għalija, fil-fehma personali tiegħi, f’dak li ġara fil-ġranet li għaddew fuq dan is-sinjur ta’ iktar minn 60 jew 70 sena, kien hemm esaġerazzjonijiet kbar,” qal Cuschieri.

Fuq Facebook, Emmanuel Navarro kiteb li l-MEP Roberta Metsola għandha tinħaraq ħajja. “Intom, speċjalment int ja traditura ta’ pajjiżek, mhux kundanna ħaqqkom, imma naħarqukom ħajjin demel”, kiteb dan ir-raġel fuq Facebook – bil-messaġġ tiegħu jkun indirizzat lil Roberta Metsola.

L-appell ta’ Navarro biex Metsola tinħaraq ħajja kien ibbażat fuq il-fatt li skont hu, l-MEP Nazzjonalista hija ‘traditur’. Kelma li Manwel Cuschieri rrepeta waqt il-programm tiegħu fil-konfront tal-MEPs Nazzjonalisti kollha.

“Kellna persuna fil-jiem li għaddew, li fuq il-media soċjali kienet irrabbjata għall-Membru Ewropew Nazzjonalista li flimkien ma’ sħabha, iva, u hawn m’hawnx tidwir mal-lewża, it-tlieta li huma itradixxew lil pajjiżhom,” qal Cuschieri.

Minkejja li l-kelliem ta’ Muscat għajjar lill-MEPs Nazzjonalista tradituri u minkejja li attakka lill-Qorti talli din ma tatx libertà proviżorja lil min hedded lil Roberta Metsola, Manwel Cuschieri qal li ma jaqbilx mat-theddid li sar.

Sadanittant, dwar it-theddid ta’ Emmanuel Navarro, il-Qorti żammitu taħt arrest peress li skont hi, il-kummenti tiegħu kienu orribbli u li jistgħu jinstigaw lil ħaddieħor għall-vjolenza. Filfatt, il-Qorti kienet ordnat ukoll li l-MEP Roberta Metsola tingħata protezzjoni.

Jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fuq theddid lill-MEP Roberta Metsola