Lokali

AĠĠORNATA: Rappreżentant tal-Arċisqof fil-Bażilika tal-Isla jissakkar f’kamra u jisfratta serqa; arrestat is-suspettat

Dik li kellha tkun serqa mill-Kolleġġjata u Bażilika tal-Isla fortunatament falliet grazzi għal Luca Zaltron, rappreżentant tal-Arċisqof tul ir-restawr tar-Redentur.

Jirriżulta li dalgħodu ħalliel daħal fil-Knisja biex iwettaq serqa. Kien għall-ħabta tad-9:20a.m li kif Zaltron daħal fl-uffiċċju parrokkjali, sab ma’ wiċċu l-ħalliel, li skont rapporti kien liebes barnuża, kellu maktur ma’ wiċċu u nuċċali tax-xemx .

Kien hawn li l-ħalliel tkellem bl-Ingliż u staqsa għall-Arċipriet u wara talab lit-Taljan biex itih il-flus.

Il-ħalliel talab ukoll lir-rappreżentant tal-Arċisqof biex ipoġġi fuq siġġu u beda jheddu biex jagħtih il-flus.

Zaltron irreżista li jagħtih il-flus, u kif il-ħalliel dar, ir-rappreżentant daħal jiġri fl-uffiċċju tal-Arċipriet u sakkar warajh. Hawnhekk il-ħalliel beda jheddu li jekk ma kienx se jtih il-flus, kien se joqtlu.

Kien hawn li l-ħalliel, li aktarx hu barrani u kellu ħadida f’idejh, ipprova jkisser il-ħġieġ tal-bieb tal-kamra biex jidħol għalih. Ir-rappreżentant tal-Arċisqof mill-ewwel beda jgħajjat għall-għajnuna u l-ħalliel ħarab minn fuq il-post idu f’idu. Ftit wara wasal l-Arċipriet Dun Robin Camilleri.

Jirriżulta li l-bieb ta’ barra tal-uffiċċju parrokkjali baqa’ msakkar u għalhekk aktarx li l-ħalliel kiseb aċċess għall-uffiċċju parrokkjali minn ġol-Knisja.

Il-Pulizija kkonfermaw l-inċident, u li ma nsteraq xejn mill-Knisja u  qed tkompli għaddejja bl-investigazzjonijiet biex tasal għall-aggressur.

Sadanittant aktar tard mal-ġurnata. il-Pulizija arrestaw suspettat f’dan il-każ u ttieħed l-għassa ta’ Bormla għal aktar stħarriġ.