“Issa ninsabu nkwetati fuq is-Saltna tad-Dritt aktar minn qabel ġejna Malta” – kliem ta’ kundanna mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif spiċċat il-missjoni tagħhom f’Malta.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attendew ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet internazzjonali, l-Membru Parlamentari Ewropew Soċjalista Ana Gomes tkellmet dwar ir-riżultati li ħarġu mid-diversi laqgħat li kellhom mal-partijiet involuti fl-investigazzjoni dwar is-Saltna tad-Dritt u l-iskandlu tal-Panama Papers. Ana Gomes semmiet kif jista’ jkun hemm rabta bejn il-qtil makabru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-iskandlu tal-kumpanija Egrant, li s’issa għadu ma sarx magħruf min hu l-benefiċċjarju aħħari.
L-MEP Soċjalista Anna Gomes saħqet li f’Malta hawn idea ta’ nuqqas ta’ rispett lejn il-liġi – hekk kif wara li ġie żvelat l-iskandlu tal-Panama Papers, kemm Konrad Mizzi u kemm Keith Schembri għadhom jiffurmaw parti mill-Gvern. Tenniet li dan qed jingħad hekk kif minkejja l-iżviluppi kollha li ħarġu, fejn saħansitra ssemmew fid-dokumenti tal-aġenzija għall-kontra l-ħasil tal-flus li ġew illikjati – Konrad Mizzi u Keith Schembri baqgħu jokkupaw l-istess kariga.
Fil-konferenza fl-għeluq taż-żjara tagħhom, l-MEP Soċjalista sostniet li minkejja li hi ġejja mill-istess familja politika tal-Partit Laburista, ma tistax tifhem kif il-Prim Ministru Joseph Muscat appunta lil John Dalli bħala konsulent tiegħu meta dan kellu jirreżenja minn Kummissarju Ewropew minħabba allegazzjonijiet ta’ tixħim. Ana Gomes staqsiet għalfejn il-Prim Ministru ħass il-bżonn li jappunta lilu?
Minn naħa tiegħu, l-MEP Sven Giegold tenna li l-eks Spettur u uffiċjal tal-aġenzija kontra l-ħasil tal-flus, Jonathan Ferris għandu jingħata l-protezzjoni mill-Gvern Malti.
Fl-istess waqt, il-Kap tad-Delegazzjoni Ana Gomes tenniet li huma jinsabu inkwetati wkoll dwar il-mod kif il-Gvern Malti qed ibiegħ iċ-ċittadinanza u l-passaport Malti. Saħqet li huma fil-laqgħa mal-Prim Ministru talbu għal-lista ta’ ismijiet ta’ persuni li s’issa xtraw iċ-ċittadinanza Maltija.
L-investigazzjoni tad-disa’ membri tad-delegazzjoni Ewropea issa ntemmet. Huma tennew il-kliem tal-Prim Imħallef Silvio Camilleri – dik li l-Maltin iridu jifhmu li dan hu mument kruċjali f’Malta biex is-Saltna tad-Dritt tirrenja.
//= $special ?>