Futbol Sport

Magħrufa l-gruppi tat-Tazza tad-Dinja

Il-ballun uffiċjali u t-trofew tat-Tazza tad-Dinja

Ftit tal-ħin ilu saru magħrufa t-tmien gruppi tat-Tazza tad-Dinja li se ssir is-sena d-dieħla fir-Russja. Fost l-aktar grupp li jispikka hemm Grupp D li hu magħmul mill-Arġentina, l-Iżlanda, il-Kroazja u n-Niġerja. Il-logħba li se tiftaħ it-Tazza tad-Dinja se tkun bejn l-organizzaturi r-Russja u l-Arabja Sawdija.

B’kollox kien hemm erba’ pots bi tmien nazzjonijiet f’kull pot. In-nazzjonijiet kienu allokati skont ir-rankings tagħhom għajr ir-Russja li kienu fl-ewwel pot minħabba li huma l-organizzaturi. L-organizzaturi r-Russja flimkien mal-Brażil, il-Portugall, l-Arġentina, il-Belġju, il-Polonja u Franza kienu t-timijiet li kellhom l-ogħla ranking f’Ottubru. Il-poloz telgħu fil-Palazz tal-Kremlin, sala li laqgħet lil diversi ċelebritajiet fosthom Luciano Pavarotti, Placido Domingo, Julio Iglesias u Elton John.

Is-serata kienet preżentata mill-eks attakkant Ingliż Gary Lineker flimkien mal-ġurnalista tal-isport Russa Maria Komandnaya. Hu kienu assistiti minn tmien ġganti fil-futbol. Dawn kienu l-Franċiż Laurent Blanc, l-Ingliż Gordon Banks, il-Brażiljan Cafu, it-Taljan Fabio Cannavaro, l-Urugwajan Diego Forlan, l-Arġentin Diego Maradona, l-Ispanjol Carles Puyol u Nikita Simonyan tar-Russja.

Il-gruppi kollha huma:

Grupp A: Russja, Arabja Sawdija, Eġittu, Urugwaj

Grupp B: Portugall, Spanja, Marokk, Iran

Grupp Ċ: Franza, Awstralja, Perù, Danimarka

Grupp D: Arġentina, Iżlanda, Kroazja, Niġerja

Grupp E: Brażil, Żvizzera, Costa Rica, Serbja

Grupp F: Ġermanja, Messiku, Żvezja, Korea ta’ Isfel

Grupp G: Belġju, Panama, Tuneżija, Ingilterra

Grupp H: Polonja, Senegal, Kolombja, Ġappun