Lokali

Michelle Muscat fil-Bahamas biex tingħata rikonoxximent

Fi stqarrija l-Gvern qal li l-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Michelle Muscat,  ingħatat rikonoxximent fil-Bahamas. Fl-istqarrija l-Gvern qal li r-rikonoxximent ngħata fil-qasam politiku u filantropiku mill-organizzazzjoni Celebrating Women International.

Fl-istqarrija tal-Gvern intqal li fiċ-ċerimonja ngħatat rikonoxximent flimkien ma’ 15-il personalità fl-oqsma politiċi, filantropiċi u tan-negozju minn madwar il-Commonwealth u d-dinja. Iċ-ċerimonja saret f’Nassau, il-Bahamas.

Michelle Muscat fil-Bahamas kienet akkumpanjata minn Phyllis Muscat, li kienet tmexxi ic-CHOGM Task Force, kif ukoll mis-Segretarja Eżekuttiva ta’ The Marigold Foundation, Jennifer Xuereb.

Sadanittant fl-aħħar siegħat Michelle Muscat kienet f’kontroversja wara li nnominat lilha nnifisha għall-premju tal-Volontarjat tas-sena.

Il-Premju hu organizzat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, u Michelle Muscat ntagħżlet biex tingħata l-premju Voluntier Nazzjonali tas-Sena minn fost numru kbir ta’ għaqdiet oħra li jagħmlu ġid kbir fis-soċjeta’. Fost l-għaqdiet li kienu nominati hemm il-Mission Fund li tagħmel xogħol f’diversi missjonijiet madwar id-dinja, il-fondazzjoni Inspire, u l-Malta Red Cross fost oħrajn.