Lokali

In-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-MIA f’Novembru jiżdied bi 15.8%

Aktar minn 400,000 moviment tal-passiġġieri f’Novembru

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kompla jirreġistra riżultati tat-traffiku tajbin, anki hekk kif daħal fl-istaġun tax-xitwa, b’Novembru jkun l-erbatax-il xahar konsekuttiv li matulu ntlaħaq tkabbir b’żewġ ċifri fil-movimenti tal-passiġġieri. Dan tħabbar mill-MIA fi stqarrija.

L-MIA qal li f’Novembru, l-ajruport ospita ’l fuq minn 55,000 passiġġier aktar mill-2016 u b’hekk ix-xahar ingħalaq b’total ta’ 405,724 moviment. Dan ifisser li t-tkabbir fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet kien ta’ 15.8%.

Dan in-numru rekord ta’ passiġġieri għal Novembru kien osservat b’mod parallel ma’ żieda ta’ 18.1% fil-movimenti tal-ajruplani u titjib ta’ 19.2% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet. Is-seat load factor (SLF) għal Novembru, li jindika kemm il-linji tal-ajru rnexxielhom jimlew postijiet disponibbli fuq it-titjiriet, naqas u kien ta’ 79%.

L-aqwa ħames swieq għax-xahar kienu responsabbli għal aktar minn nofs it-total tal-movimenti tal-passiġġieri għal Novembru. B’aktar minn 100,000 moviment tal-passiġġieri, ir-Renju Unit kien fil-quċċata tal-lista, segwit mill-Italja, il-Ġermanja, Franza u l-Belġju. Filwaqt li l-ewwel erba’ swieq kollha rreġistraw livelli differenti ta’ tkabbir, il-Belġju tilef madwar 570 passiġġier meta mqabbel mal-2016.

L-akbar żieda ta’ passiġġieri f’Novembru ġiet mis-suq Pollakk, li kiber b’76.3% fuq is-sena ta’ qabel. Din iż-żieda qawwija rriżultat minn bosta fatturi fosthom żieda fin-numru ta’ titjiriet fuq ir-rotot ta’ Gdansk, Krakow u Wroclaw. Swieq oħrajn li esperjenzaw titjib notevoli li rriżulta minn skeda ta’ titjiriet imtejba u allokazzjoni ta’ aktar kapaċità jinkludu t-Turkija, l-Awstrija u n-Netherlands.