Lokali

Iċċelebrata l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni

Il-Poplu Kattoliku Malti ċċelebra l-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, domma tal-Knisja Kattolika pproklamata mill-Papa Piju IX fit-8 ta’ Diċembru tal-1854.

Il-Belt Cospicua tiċċelebra b’pompa kbira din il-ġurnata tal-Festa Titulari. Dalgħodu ġiet iċċelebrata l-Quddiesa Solenni tal-Festa Titulari mill-Arċipriet, Dun Anton Cassar, flimkien mal-kapitlu tal-Kolleġġjata Bormliża filwaqt li Patri Anton Farrugia niseġ il-paniġierku.

Għaliha attendew fost l-oħrajn l-ogħla dinjitarji tal-pajjiż fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, u l-ogħla uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Festa f’Bormla ssuktat waranofsinhar bil-marċ tas-siegħa mill-Banda Cospicuana San Ġorġ u laħqet il-qofol bil-ħruġ tal-Purċissjoni fis-6pm mill-Kolleġġjata ta’ Bormla bil-vara devota tal-Kunċizzjoni, maħduma fl-aħħar tas-seklu sbatax minn Suor Maria de Domenicis u Abram Gatt ittrasformaha għal kif nafuha llum fl-1905.

F’Għawdex illum jiġu ċċelebrati wkoll 2 festi lill-Immakulata. Id-devozzjoni lejn il-Kunċizzjoni fil-Qala’ tmur lura għal ħafna snin u din għadha evidenti bil-pellegrinaġġi li jsiru mill-parroċċi kollha Għawdxin lejn dan is-Santwarju.

Il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni fir-Rabat Għawdex tiġi ċċelebrata fil-Knisja ta’ San Franġisk u hija magħrufa għall-ġmiel ta’ vara, xogħol l-iskultur Bormliż Salvu Psaila fl-1848, u l-armar rikk fit-toroq tal-Belt Victoria.

Matul din it-tmiem il-ġimgħa ukoll tiġi ċċelebrata ukoll il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-Imqabba, Wied Gerżuma, limiti tar-Rabat Malta, Bengħisa, f’Birżebbuġa u f’għadd ta’ kappelli u parroċċi. F’Malta nsibu 2 parroċċi ddedikati lill-Kunċizzjoni apparti dik Bormliża,  f’ Tal-Ibraġġ u l-Ħamrun, liema festa tkun iċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta’ Lulju.

Sadattant fi tmiem il-quddiesa solenni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, akkumpanjat minn diversi uffiċjali tal-partit, żaru diversi każini tal-lokalità, fosthom dak tal-futbol ta’ St. George’s u tal-Banda San Ġorġ.

Hawn huma ltaqgħu ma’ diversi persuni kif ukoll kellhom l-opportunità li jitpaxxew b’diversi unuri u wkoll opri ta’ arti li huma mogħnija bihom dawn il-każini.