Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-Partit Soċjalista ta’ Muscat b’azzjoni ċara kontra Malta

L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista l-uniċi li jiddefendu s-sistema tat-taxxa Maltija

Hekk kif il-ġimgħa d-dieħla, waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu mistenni li r-rapport tal-Kumitat PANA jittieħed vot dwaru, fl-aħħar siegħat ġie żvelat li l-Grupp tas-Soċjalisti – l-Partit Ewropew li jifforma parti minnu l-Partit Laburista – ressaq emenda fuq dan ir-rapport li tiddeskrivi lil Malta bħala ‘tax haven’, u li tpoġġi lil Malta ma’ pajjiżi bħal-Lussemburgu, l-Olanda u l-Irlanda.

L-emenda – skont The Times of Malta – ssejjaħ biex il-Kummissjoni Ewropea tħares lejn pajjiżna bħala ‘tax haven’, jiġifieri pajjiż li joffri vantaġġi għal kumpaniji biex iħallsu anqas taxxa jew biex jevadu t-taxxa minn pajjiżhom: xi ħaġa li pajjiżna dejjem ċaħad u ġġieled kontriha. Issa, iżda, l-MEPs kollegi ta’ Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi, iridu li Malta tiġi deskritta bħala ‘tax haven’, u quddiem dan kollu l-MEPs tal-Partit Laburista m’għamlu xejn biex iwaqqfu lill-MEPs tal-Partit tagħhom stess.

Minn naħa l-oħra, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista – David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech – jidhru li diġà kkonvinċew lill-kollegi tagħhom fil-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew biex jivvutaw kontra din l-emenda, u b’hekk jiddefendu s-sistema tat-taxxi f’pajjiżna.

Matul l-aħħar snin, is-sistema tat-taxxi f’Malta kienet ta’ benefiċċju kbir biex kumpaniji internazzjonali jinvestu f’pajjiżna u joħolqu l-postijiet tax-xogħol.

Fil-fatt, f’post fuq Facebook wara li ġie żvelat il-pjan tas-Soċjalisti, l-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-Partit Popolari Ewropew David Casa qal li flok joqgħodu jattakkaw lill-MEPs Maltin, it-tliet MEPs tal-Partit Laburista messhom jużaw l-enerġija tagħhom biex jikkonvinċu lill-grupp politiku tagħhom stess li Malta mhix tax haven. “Dak hu xogħlhom, u dik għandha tkun il-prijorità tagħhom,” qal David Casa.

https://www.facebook.com/DavidCasaMEP/posts/891407594388763

Il-Kumitat PANA qed jingħata importanza kbira mill-Parlament Ewropew, tant li diġà ġie Malta darbtejn matul din is-sena biex jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers u l-problemi li huma evidenti fit-twettiq tas-saltna tad-dritt f’Malta. Fost l-oħrajn, delegazzjoni magħmula minn MEPs fil-Kumitat PANA u fil-Kumitat tal-Ġustizzja, kienet f’pajjiżna l-ġimgħa li għaddiet u kellha laqgħat fost l-oħrajn mal-Prim Ministru u mal-Kummissarju tal-Pulizija. Fi tmiem il-laqgħat, id-delegazzjoni qalet li sejra lura aktar imħassba dwar is-saltna tad-dritt f’Malta minn qabel iż-żjara.