Lokali Qtil Politiku

“L-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed tikser il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem”

Id-Deputat Kummissarju Silvio Valletta
Il-familja Caruana Galizia talbet għar-riżenja tal-Assistent Kummissarju Silvio Valletta, flimkien ma' apoloġija

Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia ngħataw parir legali minn avukati internazzjonali, li fl-investigazzjoni fil-qtil, permezz ta’ karozza bomba, kien hemm ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Fil-parir legali tagħhom, l-avukati qalu li Malta qed tikser l-obbligi tagħha lejn il-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fejn appellaw għall-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet – partikolarment dik li jitneħħa mill-kariga tiegħu d-Deputat Kummissarju Silvio Valletta hekk kif mhux kapaċi jinvestiga b’mod indipendenti u imparzjali hekk kif il-mara tiegħu u anke hu kienu s-suġġett ta’ numru ta’ artikli mill-ġurnalista maqtula. Ġie msemmi wkoll kif l-awtoritajiet naqsu milli jinfurmaw lill-familja dwar żviluppi fl-investigazzjoni, sal-massimu li jistgħu jiżvelaw sabiex jipproteġu l-interessi tal-familja.

Filfatt ir-rapport isemmi kif saru biss tliet laqgħat minn naħa tal-Pulizija mal-familja minn mindu inqatlet Daphne Caruana Galizia. Jidher ukoll li l-Kummissarju għamel tentattiv wieħed biex jiltaqa’ mar-raġel tal-vittma, Peter Caruana Galizia, dwar protezzjoni, iżda din l-istedina ġiet irrifjutata.

L-istess rapport tal-avukati jtenni li wieħed irid jagħti importanza dwar dak li qalet id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew meta ġew Malta, hekk kif wara ż-żjara tagħhom jinsabu aktar inkwetati dwar is-saltna tad-dritt, dwar  il-perċezzjoni ta’ impunita’ f’Malta, u l-inkompetenza fit-tmexxija Korp tal-Pulizija.

L-avukati rinomati Caoilfhionn Gallagher QC u Jonathan Price qalu li Malta qed tikser it-tieni artiklu ta’ din il-Konvenzjoni b’referenza għad-dmirijiet tal-istat fl-investigazzjoni. Żiedu jgħidu li skont l-istess informazzjoni li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, jidher li l-istat Malti qed jikser aktar liġijiet li jinsabu f’din il-Konvenzjoni Ewropea.

It-tieni artiklu tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jitratta dwar id-dritt għall-ħajja – u kif l-istat hu obbligat li jagħmel investigazzjoni effettiva meta dan id-dritt għall-ħajja jinkiser. Għaldaqstant, il-familja qalet li:

“l-involviment ta’ investigaturi imparzjali u esterni għall-investigazzjoni attwali huma essenzjali u urġenti f’dan l-istadju”.