Ewropa Unjoni Ewropea

FILMAT: L-emenda tas-Soċjalisti kontra Malta toħloq dibattitu fil-Parlament Ewropew

L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista qed jiddefendu s-sistema tat-taxxa ta’ Malta

L-emenda li l-Partit Soċjalista Ewropew – tal-familja tal-Partit Laburista – ressaq dwar rapport li sar mill-Kumitat PANA li nvestiga l-Panama Papers – ħolqot diskussjoni fil-Parlament Ewropew hekk kif dalgħodu sar id-dibattitu fil-plenarja fi Strasburgu dwar ir-rapport li sar mill-Kumitat PANA. Il-Kumitat Pana twaqqaf is-sena li għaddiet biex jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers u fost l-oħrajn ġie f’Malta biex jinvestiga l-kumpaniji sigrieti fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista – David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech – qegħdin jiddefendu s-sistema tat-taxxi f’Malta, kuntrarju għal dak li qed jagħmlu l-MEPs Soċjalisti li qed jinsistu li r-rapport jinbidel biex Malta tissemma – flimkien mal-Irlanda, l-Lussemburgu u l-Olanda – bħala tax haven. Xi ħaġa li l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista qed jibqgħu jiġġieldu kontriha. Il-vot dwar din l-emenda u dwar ir-rapport sħiħ se jittieħed għada l-Erbgħa f’nofsinhar.

Il-każ ta’ Malta hu l-agħar eżempju ta’ kif interessi partikolari ħatfu l-Gvern – l-MEP Soċjalista Ana Gomes

Sadanittant, fid-dibattitu dwar ix-xogħol tal-Kumitat PANA, ssemma kemm-il darba l-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia, li ġiet imfakkra għall-ħidma tagħha kontra l-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus.

L-MEP Soċjalista Ana Gomes qalet li meta wieħed iħares lejn il-każ ta’ Malta fejn ġiet maqtulha Daphne Caruana Galizia – huwa l-agħar eżempju ta’ kif ċertu interessi qed jinħatfu mill-Gvern.

Sellem ukoll lil Daphne Caruana Galizia l-MEP Soċjalista Taljan Nicola Caputo, li nsista wkoll li d-dover hu li nkomplu max-xogħol li jagħmlu l-ġurnalisti li jiżvelaw il-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus u l-kriminalita organizzata.

L-MEP Liberali Spanjola Maite Pagazurtundua Ruiz, filwaqt li wkoll sellmet lil Daphne Caruana Galizia, qalet li l-familja tal-ġurnalista Maltija jixirqilha li jitwaqqaf kumitat indipendenti li jinvestiga dan il-qtil. U filwaqt li semmiet li l-Parlament Ewropew semma sala għal Daphne Caruana Galizia, l-istituzzjoni trid tagħmel ferm aktar.

Minn naħa tagħha, l-MEP mis-Slovenja Romana Tomc qalet li hemm pajjiżi li ma jieħdux il-passi neċessarji kontra l-ħasil tal-flus, u għalhekk hi qed tinsisti li titressaq emenda fir-rapport biex stati membri jkunu obbligati li jaġixxu meta jkun hemm suspetti.