Hekk kif illum kellha tibda l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra t-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – minflok il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech aċċettat it-talba għar-rekuża u issa jrid jiġi appuntat Maġistrat ieħor biex imexxi l-kawża.
Quddiem il-Qorti dehru George Degiorgio magħruf bħala ‘Iċ-Ċiniż’, Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘Il-Fulu’, u Vincent Muscat magħruf bħala ‘Il-Koħħu’, fejn fl-ewwel mumenti l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech għamiltha ċara li fl-1983 hi kienet fl-istess klassi ma’ oħt Daphne Caruana Galizia, tul is-snin skambjaw l-awguri f’għeluq is-snin lill-istess oħt il-ġurnalista, u anke l-Maġistrat tat il-kondoljanzi wara li sar magħruf bil-qtil makabru tal-karozza bomba lill-familja Caruana Galizia.
Għaldaqstant, it-tliet avukati difensuri li ġew appuntati mill-għajnuna legali, li provdiet il-Qorti stess, talbu biex tinbidel il-Maġistrat fuq prinċipju legali – dak li l-ġustizzja mhux biss trid issir, iżda trid tidher li qed issir. Fl-istess seduta, il-Qorti appuntat tliet avukati, wieħed għal kull akkużat – hekk kif dawn xtaqu li jkollhom avukat li jirrapreżentahhom u wara li l-istess Maġistrat Donatella Frendo Dimech spjegat kemm hu importanti li jkollhom rappreżentanti legali. Il-Qorti appuntat lill-avukat Martin Fenech li deher għal Vincent Muscat magħruf bħala Il-Koħħu. L-avukat Fransina Abela li nħatret għal Alfred Degiorgio magħruf bħala Il-Fulu. Filwaqt li l-avukat Benjamin Valencia baqa’ jidher għal George Degiorgio magħruf bħala Iċ-Ċiniż kif kien ġie stabbilit fil-preżentata.
Fl-argumenti tagħhom, il-prosekuzzjoni mmexxija mill-avukat Philip Galea Farrugia u l-ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, flimkien mal-avukati għall-parte civile Therese Comodini Cachia u r-raġel tal-vittma Peter Caruana Galizia, fejn qalu li f’pajjiż bħal Malta fejn fis-soċjetà tagħna kulħadd jaf lil kulħadd – jekk il-Maġistrati se jirrekużaw ruħhom għax jatu l-kondoljanzi lill-familjari wara qtil, jista’ jkun li jwassal ma ssirx ġustizzja f’pajjiżna.
Minkejja dan, wara mumenti ta’ riflessjoni dwar l-argumenti miġjuba miż-żewġ partijiet, il-Maġistrat xorta waħda aċċettat it-talba għar-rekuża, u issa jmiss li jiġi appuntat Maġistrat ieħor sabiex jisma’ x-xhieda u l-evidenza li se tressaq il-prosekuzzjoni fiż-żmien li ġej.
Fl-awla, kien hemm numru ta’ familjari ta’ Daphne Caruana Galizia flimkien ma’ ġurnalisti lokali u barranin isegwu l-każ fil-Qorti.
Aqra l-aġġornamenti li saru mill-awla tal-Qorti minuta b’minuta:
12:32 – Il-Maġistrat tilqa’ t-talba għar-rekuża. Issa jmiss li jiġi appuntat Maġistrat ieħor fejn quddiemu jitressqu l-evidenza min-naħa tal-prosekuzzjoni. Għalhekk il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech għaddiet l-atti tal-kawża f’idejn il-Maġistrat li għad irid jiġi appuntat.
12:31 – Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qegħda taqra numru ta’ sentenzi mill-Qrati Maltin u Ewropej f’dan ir-rigward fit-talba tar-rekuża. Dan sabiex tasal għad-deċiżjoni tagħha, in linea ma’ deċiżjonijiet passati tal-Qrati.
12:25 – Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech bħalissa qed taqra d-digriet fejn tgħid li ma jeżistu l-ebda raġunijiet mniżżla fl-artiklu 734 tas-Kodiċi dwar Proċedura Ċivili li hi m’għandix tisma’ din il-kawża. Qalet li d-difiża qalet m’għandha l-ebda dubju lfil-Maġistrat li se tkun qed tisma’ l-każ bla ebda preġudizzju għall-imputati, iżda saret din it-talba għar-rekuża minħabba s-sitwazzjoni preżenti.
12:24 – Tidħol lura l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fl-awla.
12:23 – Jidħlu fl-awla issa l-Ispetturi tal-Pulizija Keith Arnuad u Kurt Zahra, flimkien mal-avukat Dr Philip Galea Farrugia f’isem il-prosekuzzjoni.
12:14 – Bħalissa fil-kwartieri privati, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qegħda tevalwa t-talba għal rekuża li saret mill-avukati difensuri tat-tliet irġiel – dan wara li l-Maġistrat qalet li fl-1983 hi kienet fl-istess klassi ma’ oħt Daphne Caruana Galizia, saru numru ta’ skambji ta’ awguri f’għeluq is-snin bejniethom, u kif ukoll wara l-qtil tal-ġurnalista l-Maġistrat tat il-kondoljanzi lill-oħt Daphne Caruana Galizia. Fil-ħin li ġej mistenni li nsiru nafu x’se tkun id-deċiżjoni tal-Maġistrat – jekk tilqax jew tirrifjutax it-talba li tinbidel il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Madanakollu, s’issa l-Maġistrat għadha ma daħlitx fl-awla.
11:56 – Jidħlu lura fl-awla t-tliet imputati: George Degiorgio magħruf bħala ‘Iċ-Ċiniż’, Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘Il-Fulu’, u Vincent Muscat magħruf bħala ‘Il-Koħħu’ qed jiġu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, flimkien mal-avukati rispetti tagħhom li ingħataw bl-għajnuna legali mill-Qorti. L-avukati appuntati mill-Qorti huma:
- L-avukat Dr Martin Fenech se jidher għal Vincent Muscat magħruf bħala Il-Koħħu.
- L-avukat Dr Fransina Abela se tinħatar għal Alfred Degiorgio magħruf bħala Il-Fulu.
- Filwaqt li l-avukat Dr Benjamin Valencia se jibqa’ jidher għal George Degiorgio magħruf bħala Iċ-Ċiniż kif kien ġie stabbilit fil-preżentata.
11:53 – Il-ġurnalisti flimkien ma’ membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia jidħlu lura fl-awla. Jonqos biss li jidħlu lura t-tliet irġiel imputati, u kif ukoll il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
— F’nofsinhar titkompla is-seduta fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech – aktar aġġornamenti mill-awla fil-ħin li ġej —
10:08 – Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech aġġornat is-seduta għal nofsinhar sabiex tieħu deċiżjoni dwar it-talba tar-rekuża mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil.
10:04: Tkellmet l-avukat parte civile Dr Therese Comodini Cachia, fejn qalet li Daphne Caruana Galizia kienet persuna pubblika u żiedet li r-raġel tagħha, Dr Peter Caruana Galizia, huwa avukat li jipprattika fl-istess Qorti. Therese Comodini staqsiet u qalet li jekk se ssir rekuża fuq din il-bażi għax sar skambju ta’ kondoljanzi din tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn il-ġustizzja ma ssir qatt. Dan għaliex is-soċjetá Maltija hi żgħira – u kien għalhekk li l-liġi Maltija qagħdet attenta fuq liema bażi għandu jkun hemm rekuża tal-ġudikant tenniet l-avukat.
10:01 – Madanakollu d-difiża għadha qed tinsisti li għandha tinbidel il-Maġistrat hekk kif il-prinċipju legali jistqarr li l-ġustizzja mhux biss trid issir, iżda trid tidher li qed issir. Filfatt kien hawnhekk li ġiet kwotata sentenza mill-Qorti dwar kif meta kien hemm il-każ tal-abbuż fuq minorenni minn qassisin kienet saret rekuża tal-ġudikant.
09:56 – Dr Philip Galea Farrugia f’isem il-prosekuzzjoni qal li l-liġi Maltija ma tipprovdix li l-Maġistrat għandu jinbidel sempliċiment għax tat il-kondoljanzi lill-familjari ta’ Daphne Caruana Galizia.
09:53 – Il-Maġistrat qalet li hi mhux se tirrekuża ruħha hi stess, iżda lesta tisma’ lill-avukati difensuri dwar għalfejn għandha ssir din ir-rekuża. Madanakollu tenniet li din għandha tkun raġuni valida u b’saħħitha.
09:51 – L-avukat difensur Dr Fransina Abela qalet ukoll li din it-talba saret minħabba li l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tat il-kondoljanzi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
09:50 – L-avukat difensur Benjamin Valencia f’isem it-tliet imputati kollha talbu li tinbidel il-Maġistrat minħabba r-relazzjoni li hemm ma’ waħda mill-aħwa ta’ Daphne Caruana Galizia. Dr Martin Fenech qal li l-prinċipju li l-ġustizzja mhux biss għandha ssir, iżda trid tidher li qed issir – u għalhekk l-imputati qed jitolbu r-rekuża.
09:49 – Tidħol lura fl-awla l-Maġistrat – u jitkellem l-avukat Dr Philip Galea Farrugia f’isem il-prosekuzzjoni, fejn stqarr li l-prosekuzzjoni m’għandha l-ebda oġġezzjoni li tisma’ t-talba.
09:47 – Jidħlu lura t-tliet irġiel akkużati bil-qtil, flimkien mal-avukati tagħhom.
09:40 – Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li fl-1983 kienet fl-istess klassi ta’ waħda mill-aħwa ta’ Daphne Caruana Galizia. Qalet li huma baqgħu f’kuntatt hekk kif skambjaw l-awguri tal-għeluq is-snin tul iż-żmien, u anke taw il-kondoljanzi meta mietu l-familjari. Għaldaqstant talbet lill-avukati difensuri tal-għajnuna legali ħames minuti biex jitkellmu dwar dan mat-tliet irġiel akkużati bil-qtil. Għaldaqstant il-Maġistrat ħarġet mill-awla, filwaqt li l-avukati difensuri flimkien mat-tliet imputati ħarġu wkoll sabiex jikkonsultaw.
09:38 – Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech appuntat tliet avukati separati tal-għajnuna legali:
- L-avukat Dr Martin Fenech se jidher għal Vincent Muscat magħruf bħala Il-Koħħu.
- L-avukat Dr Fransina Abela se tinħatar għal Alfred Degiorgio magħruf bħala Il-Fulu.
- Filwaqt li l-avukat Dr Benjamin Valencia se jibqa’ jidher għal George Degiorgio magħruf bħala Iċ-Ċiniż kif kien ġie stabbilit fil-preżentata.
09:23 – Tidħol fl-awla l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fejn tibda billi tispjega lit-tliet imputati għalfejn hu importanti li jkollhom avukat jirrapreżentahhom. Hi spjegat li f’dan il-proċess tal-kumpilazzjoni l-Qorti se tisma’ biss l-evidenza u x-xhieda li se titressaq mill-prosekuzzjoni u mhux se tieħu deċiżjoni. Id-deċiżjoni tittieħed fl-istadju tal-ġuri. Spjegat li ‘l quddiem se jkun l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali li jmexxi l-kawża.
09:31 – Jidħlu fl-awla, skortati minn uffiċjali tal-ħabs u l-Pulizija, t-tliet imputati: l-aħwa George u Alfred Degiorgio, flimkien ma’ Vincent Muscat.
09:29 – Bħalissa hawn skiet fl-awla tal-Qorti sakemm kulħadd qed jistenna l-wasla tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech sabiex tibda s-seduta fejn se tibda titressaq l-evidenza.
09:25 – F’isem George Degiorgio ‘Iċ-Ċiniż’, se jibqa’ jidher l-avukat tal-għajnuna legali Benjamin Valencia – filwaqt li ż-żewġ imputati l-oħra, jiġifieri Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘Il-Fulu’, u Vincent Muscat magħruf bħala ‘Il-Koħħu’, se jingħataw avukat ieħor rispettivament permezz tal-għajnuna legali li toffri l-Qorti.
09:24 – F’isem il-familja Caruana Galizia, parte civile, qed jidhru l-avukati Therese Comodini Cachia akkumpanjata mir-raġel tal-ġurnalista maqtula, l-avukat Peter Caruana Galizia.
09:22 – Tiftaħ l-awla tal-Qorti, fejn jieħdu posthom l-avukati u l-Ispetturi tal-Pulizija.
09:01 – Jaslu l-Qorti wkoll l-Ispetturi tal-Pulizija Keith Arnaud u Kurt Zahra li se jidhru f’isem il-prosekuzzjoni, flimkien mar-raġel tal-ġurnalista maqtula, l-avukat Dr Peter Caruana Galizia.
08:58 – L-avukati, l-Ispetturi tal-Pulizija, ġurnalisti, familjari ta’ Daphne Caruana Galizia u numru ta’ persuni oħra interessati jinsabu barra l-awla fejn il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech se tkun qed tisma’ l-evidenza li se titressaq kontra t-tliet imputati. George Degiorgio magħruf bħala ‘Iċ-Ċiniż’, Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘Il-Fulu’, u Vincent Muscat magħruf bħala ‘Il-Koħħu’ qed jiġu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
08:40 – Jaslu mill-entratura ta’ wara t-tliet persuni akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-iskorta tal-Pulizija bi tliet vannijiet ġejjin mill-ħabs f’Kordin, jidħlu fil-binja tal-Qorti mill-entratura ta’ wara. Flimkien mal-vannijiet kien hemm numru ta’ Pulizija armati mis-sezzjoni speċjali. Ara r-ritratti hawn taħt, u l-filmat aktar ‘il fuq tal-wasla tal-iskorta tal-Pulizija fil-Belt Valletta.
Ritratti: Matthew Tabone
Filmat: Noel Zammit
//= $special ?>