Lokali

“Minn issa ‘l quddiem il-PN jagħmel l-aġenda tiegħu” – Clyde Puli

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli jitkellem dwar il-mozzjoni li ddikjarat li l-Forza Nazzjonali ġiet xolta

“Minn issa ‘l quddiem, il-Partit Nazzjonalista jagħmel l-aġenda tiegħu” – kliem is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli b’reazzjoni għall-mozzjoni li ġiet approvata b’mod unanimu mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista nhar il-Ġimgħa filgħaxija.

Clyde Puli tkellem dwar kif it-twaqqif tal-Forza Nazzjonali qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku, sar bi skop biex ikun hemm forza akbar – biex tkun tista’ tiġġieled in-nuqqas ta’ governanza tajba bil-Partit Laburista fil-Gvern.

Madanakollu, Clyde Puli tenna li llum iċ-ċirkustanzi huma differenti – dan hekk kif din il-Forza Nazzjonali ma rebħitx il-maġġoranza meħtieġa biex tkun tista’ tigverna. Għaldaqstant issa jeħtieġ li l-Partit Nazzjonalista jrid isib modi ġodda ta’ kif jista’ jaħdem.

Is-Segretarju Ġenerali qal li dan ma jfissirx li l-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku mhux se jkunu jistgħu jaħdmu aktar flimkien, anzi jistgħu jikoperaw każ b’każ. Clyde Puli kompla billi qal li dan jgħodd ukoll għal kull min hu ta’ rieda tajba, inkluż il-Gvern. “Dan ix-xoljiment tal-Forza Nazzjonali tfisser li m’hemm l-ebda rabta uffiċjali aktar bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku”, temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli.

Ilbieraħ filgħaxija, waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ġie ddikjarat li l-Forza Nazzjonali ġiet xolta u kull forma ta’ koperazzjoni ma’ rappreżentanti tal-Partit Demokratiku ssir biss skont il-każ. Din il-mozzjoni tressqet mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, u ġiet approvata b’mod unanimu.