Id-dewmien fil-proċess, speċjalment wara li l-Maġistrat Charmaine Galea rrekużat ruħha mill-każ (it-tieni Maġistrat li għamlet dan wara l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech), jista’ jwassal għal possibiltà li l-imputati jinħelsu għal kollox mill-arrest – mingħajr il-possibiltà li jerġgħu jitressqu.
Dan kif jista’ jseħħ? F’dan l-artiklu, forma ta’ mistoqsija u tweġiba, nissimplifikaw il-proċeduri tal-Qorti, u għaliex l-imputati jistgħu saħansitra jinħelsu għal kollox jekk il-proċess ikompli jdum.
Kulħadd innoċenti qabel il-kundanna
Prinċipju kardinali fil-liġi kriminali hu li kull persuna li jitressaq il-Qorti huwa innoċenti sakemm jiġi kkundannat ħati. Bl-Ingliż jgħidu “innocent until proven guilty”. Dan il-prinċipju jeżisti biex jassigura li ħadd ma jmur il-ħabs għalxejn mingħajr provi.
Imputati jew akkużati?
Vince Muscat, Alfred Degiorgio u George Degiorgio tressqu l-Qorti għall-ewwel darba fil-5 ta’ Diċembru. Hemmhek huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi mressqa fil-konfront tagħhom. Hawnhekk tajjeb li wieħed jinnota li f’dan l-istadju, it-tliet persuni għadhom biss imputati. Għalkemm il-Prosekuzzjoni qed takkużahom bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, it-tliet persuni għadhom mhumiex formalment taħt att ta’ akkuża.
Meta se jitpoġġew taħt att ta’ akkuża?
Il-liġi tgħid li l-kumpilazzjoni tal-evidenza trid tingħalaq fi żmien xahar minn meta l-imputati jitressqu l-Qorti l-ewwel darba. Fi żmien xahar, il-Qorti trid tiddeċiedi jekk ikunx hemm biżżejjed raġunijiet (prima facie, jiġifieri mad-daqqa t’għajn) biex l-imputat jitqiegħed formalment taħt att ta’ akkuża.
X’jiġri wara li l-imputati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża?
Wara li l-imputati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża, huma jintbgħatu quddiem il-Qorti Kriminali – jiġifieri Qorti differenti mill-Qorti tal-Maġistrati. Dan għaliex f’każijiet ta’ qtil li jġorru piena ta’ għomor il-ħabs, xogħol il-Qorti tal-Maġistrati mhuwiex li tikkundanna lill-imputati – iżda li tmexxi l-kumpilazzjoni li jkun hemm bżonn. Jekk jirriżulta li hemm biżżejjed biex l-imputati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża, allura l-każ jimxi għal quddiem il-Qorti Kriminali (Qorti ogħla fl-istruttura tal-ġudikatura f’Malta).
X’jiġri jekk ma jitpoġġewx taħt att ta’ akkuża fi żmien xahar?
Il-liġi tgħid ċar u tond li jekk l-imputati ma jitpoġġewx taħt att ta’ akkuża fi żmien xahar, l-imputati għandhom jiġu lliberati u jinħelsu għal kollox. Dan ifisser li jekk ma jitpoġġewx taħt att ta’ akkuża fi żmien xahar, l-imputati jaħarbu mill-ġustizzja u ma jkunux jistgħu jerġgħu jitressqu l-Qorti b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – sakemm ma jkunx hemm xi evidenza ġdida li tista’ sservi bħala bażi biex jerġgħu jitressqu mill-ġdid.
Jistgħu jitpoġġew taħt att ta’ akkuża wara iktar minn xahar?
Bħala regola, le. Madanakollu – hemm possibiltà li l-kumpilazzjoni tal-evidenza, minflok xahar, tieħu massimu ta’ tliet xhur. Biex dan ikun jista’ jsir, irid joħroġ permess mill-President ta’ Malta kull xahar wara talba bil-miktub magħmula mill-Qorti. Però ż-żmien ma jistax ikun imġedded aktar minn tliet xhur. Dan ifisser li anke bil-permess tal-President, l-imputati jridu jitpoġġew taħt att ta’ akkuża fi żmien tliet xhur – inkella jkollhom jinħelsu.
X’impatt għandhom ir-rekużi fuq il-proċess ta’ dan il-każ?
Ir-rekuża, waħda wara l-oħra, tal-Maġistrati (fejn qed jirrifjutaw li jisimgħu l-kumpilazzjoni tal-evidenza) tfisser li diġà għaddew 13-il jum minn meta l-imputati tressqu l-Qorti l-ewwel darba mingħajr għadu l-anqas biss beda l-proċess tal-kumpilazzjoni tal-evidenza.
Dan ifisser li (mingħajr permess tal-President għal tiġdid ta’ tliet xhur), fadal biss 17-il ġurnata biex il-Qorti tara jekk hux se tpoġġi lit-tliet imputati formalment taħt akkuża. Jekk dan ma jsirx, ikollhom jinħelsu darba għal dejjem, u jaħarbu mill-ġustizzja minħabba t-teknikalitajiet tal-liġi.
Minħabba din il-possibiltà, l-Avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi, dalgħodu ma talabx għar-rekuża
Peress li ż-żmien qed jagħfas, l-Avukat Jason Azzopardi, f’isem il-familja, ma talabx għar-rekuża tal-Maġistrat Charmaine Galea. “L-astensjoni jew ir-rikuża tal-Maġistrat tikkawża ħsara irreparabbli lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja għax jekk jiġri dan ikun hemm lok li t-tliet imputati jiġu lliberati qabel biss ikun beda l-ġbir tal-provi kontra tagħhom,” qal l-Avukat Azzopardi dalgħodu. Ara iktar x’kien l-argument tal-familja Caruana Galizia fil-Qorti billi tagħfas il-link t’hawn taħt.
//= $special ?>Skoss ieħor fil-kors tal-ġustizzja: Il-Maġistrat Charmaine Galea tirrifjuta li tisma’ l-każ