Lokali

L-Oppżizzjoni twiegħed li tkun fuq quddiem biex tiddefendi r-reputazzjoni finanzjarja ta’ Malta – Adrian Delia

L-Oppożizzjoni twiegħed li tieħu inizjattiva u tkun fuq quddiem biex tiddefendi r-reputazzjoni tas-servizzi finanzjarji f’Malta fuq livell Ewropew.

Waqt stqarrija parlamentari, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għamilha ċara li hu fundamentali li s-settur ekonomiku tas-servizzi finanzjarju li għal tletin sena sħaħ Gvernijiet Maltin bdew, kabbru u ddefendew reputazzjoni ta’ eċċellenza ma jispiċċax fi ftit xhur jew snin.

“Għandna obbligu lejn dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur. Aħna mhux biss lesti li ngħinu imma li nieħdu inizjattiva u nkunu fuq ta’ quddiem biex niddefendu lil pajjiżna. Jekk hemm bżonn li nagħmlu dak kollu biex nagħtu sinjal fl-Ewropa, dan irridu nagħmluh mhux abbażi ta’ gwadann partiġġjan imma għall-bżonn li niddefendu lil pajjiżna,” iddikjara Adrian Delia.

Waqt li kien qed jitkellem fuq l-aspett soċjali, fakkar lill-kollegi tiegħu fuq iż-żewġ naħat tal-kamra li għandhom obbligu mhux biss politiku imma wkoll soċjali li jagħrfu u jaqdu l-bżonnijiet ta’ min jinsab fir-riskju tal-faqar.

“Hemm bżonn li niftakru li meta qed nitkellmu fuq l-aspett soċjali qed nitkellmu fuq persuni u mhux fuq il-figuri, fuq in-nies u mhux biss is-setturi, fuq iċ-ċittadini u mhux biss fuq is-suċċessi li nagħmlu,” qal Adrian Delia, fl-isfond li f’pajjiżna għandna mal-mitt elf persuna li jinsabu fix-xifer tal-faqar.

“Għandna obbligu mhux biss politiku imma soċjali li ngħinu lil dawn in-nies, li nkunu qribhom u li nilleġiżlaw għal dawk li huma l-iktar vulnerabbli,” iddikajra Adrian Delia.

Meta kien qed jitkellem dwar l-immigrazzjoni, hu tkellem dwar il-lat numeriku dwar kemm pajjiż jiflaħ jaċċetta immigranti, imma wkoll il-lat uman. Appella wkoll biex l-Ewropa taqdi l-obbligu u d-dmir tagħha partikolarment lejn l-Afrika u l-Lvant Nofsani biex tara u tifhem kif tista’ ġġib iżjed stabbiltà u investiment f’diversi pajjiżi u jsiru tittieħed azzjoni dwar ir-raġunijiet għalfejn wieħed iħalli dawn il-pajjiżi.

Dwar Brexit, tkellem b’mod partikolari dwar Maltin li jinsabu fir-Renju Unit u l-inċertezza kbira li ħolqot fir-Renju Unit. “L-interess tagħna bħala pajjiż hu li naraw li n-negozji tagħna li jaħdmu mar-Renju Unit, intuhom ċertezza u li nindirizzaw d-drittijiet tan-nies tagħna fir-Renju Unit.”