Lokali

Skoss ieħor fil-kors tal-ġustizzja: Il-Maġistrat Charmaine Galea tirrifjuta li tisma’ l-każ

Il-proċess tal-ġustizzja jerġa’ jieħu skoss ieħor fil-każ tat-tliet persuni li qed jiġu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan hekk kif il-Maġistrat Charmaine Galea ddikkjarat li ma tridx tisma’ l-każ, meta fil-bidu tal-proċess tal-kumpilazzjoni tal-evidenza, aċċettat it-talba tad-difiża biex tirrekuża ruħha mill-każ.

Din hi t-tieni darba li Maġistrat qed tirrekuża ruħha minn dan il-każ wara li madwar ġimgħa ilu, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ukoll irrifjutat li tisma’ l-każ peress li aktar minn tletin sena ilu kienet fil-klassi ma’ oħt Daphne Caruana Galizia.

Din id-darba, ir-raġuni li tat il-Maġistrat Charmaine Galea kienet li meta kienet għadha tipprattika fl-avukatura, kienet irrappreżentat klijenti li kellhom kawżi kontra Daphne Caruana Galizia. Raġuni oħra mogħtija mill-Maġistrat Galea kienet li riċentament, Caruana Galizia kitbet artikli dwar il-ħatra tagħha, liema ħatra kienet ġiet deskritta mill-vittma bħala ‘kompletament diżgustanti’.

Il-Maġistrat qalet li fl-artikli tagħha, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet uriet id-dubji tagħha dwar il-kompetenza tagħha peress li skont l-istess ġurnalista, in-nomina kienet saret minħabba r-rabtiet ta’ Charmaine Galea mal-Gvern tal-ġurnata, jiġifieri mal-Gvern Laburista.

Charmaine Galea għamlet id-dikajrazzjoni fil-bidu tas-seduta, u immedjatament wara tat ċans lill-partijiet kollha biex jirreaġixxu. Il-prosekuzzjoni, (magħmula mill-Avukat Philip Galea Farrugia u l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra) mill-ewwel qalet li ma kelliex oġġezzjoni li l-Qorti tkompli tisma’ l-każ għax il-kummenti tal-vittma ma kienux dwar l-integrità tal-Qorti.

Preżenti fl-awla Peter Caruana Galizia, ir-raġel tal-vittma. L-Avukat Jason Azzopardi, f’isem il-familja, qal li l-parte civile formalment kienet qed tirrinunzja mid-dritt li titlob ir-rekuża tal-Maġistrat – u dan sabiex il-kumpilazzjoni tal-evidenza tkun tista’ tibda malajr kemm jista’ jkun qabel jiskadi ż-żmien provdut bil-liġi għall-kumpilazzjoni tal-evidenza. Dan peress li ladarba jiskadi dan iż-żmien, l-imputati jkollhom jinħelsu darba għal dejjem mingħajr possibiltà li jerġgħu jitressqu l-Qorti (sakemm jekk mhux għax il-Pulizija jkollha evidenza ġdida li tkun tista’ tintuża bħala bażi biex it-tliet persuni jerġgħu jitressqu).

Assistit mill-Avukati Therese Comodini Cachia u Keith Borg Costanzi għall-parte civile, l-Avukat Jason Azzopardi spjega lill-Qorti li bil-liġi, hemm 30 jum ċans biex issir il-kumpilazzjoni tal-evidenza – u jekk jiskadi dan iż-żmien, l-imputati jkollhom jinħelsu. “Qed isir appell lill-Qorti biex ma titħalliex li tkun manipulata minn min irid jevadi l-kors tal-ġustizzja,” qal Jason Azzopardi meta ta r-raġunijet għaliex ma kienx qed jitlob ir-rekuża tal-Maġistrat u waqt li ddikjara li l-parte civile tixtieq turi “l-għadab tagħha għal dan id-dewmien bla ebda preċedent”.

Jason Azzopardi żied jispjega li anke jekk fit-teorija jita’ jkun hemm raġunijiet ta’ rikuża min-naħa tal-Maġistrat, il-parte civile kienet qegħda formalment tirrinunzja li titlob dan, waqt li kienet qed tistieden lill-Maġistrat Charmaine Galea biex tkompli bid-doveri tagħha. “L-astensjoni jew ir-rikuża tal-Maġistrat tikkawża ħsara irreparabbli lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja għax jekk jiġri dan ikun hemm lok li t-tliet imputati jiġu lliberati qabel biss ikun beda l-ġbir tal-provi kontra tagħhom,” żied jispjega l-Avukat Azzopardi.

Madanakollu, filwaqt li kemm il-Prosekuzzjoni kif ukoll il-Parte Civile ma ressqux talba għar-rekuża, kellha tkun id-difiża, permezz tal-Avukat Martin Fenech f’isem Vice Muscat ‘Il-Koħħu’) li tagħmel it-talba għar-rekuża. Wara li semgħet il-partijiet kollha, il-Maġistrat Charmaine Galea tat id-digriet li fih iddikjarat li kienet qed tirrinunzja milli tisma’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza.

Malli tat id-digriet, it-tliet imputati – Vice Sammut, Alfred Degiogio u George Degiorgio, reġgħu ġew immanettjati u ttieħdu lura l-ħabs ta’ Kordin fejn qed jinżammu arrestati. Issa jmiss li jintgħażel Maġistrat ġdid biex jisma’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza.

Aktar kmieni – Aġġornamenti live

9:41am – Il-Maġistrat Charmaine Galea ddikkajrat li qed tirrekuża ruħha mill-każ.

9:38am – It-tliet akkużati jinsabu bilqegħda eżattament faċċata l-Maġistrat Charmaine Galea, l-ebda tip ta’ espressjoni fuq wiċċhom sakemm jistennew id-deċiżjoni mill-Maġistrat dwar jekk hux se tirrekuża ruħha. Il-Maġistrat qed tikteb id-digriet fl-awla stess, għaldaqstant jiddomina silenzju partikolari sakemm titħabbar id-deċiżjoni tal-Maġistrat.

9:30am – Il-Maġistrat Charmaine Galea, li telgħet bil-polza biex tmexxi l-kumpilazzjoni tal-evidenza wara r-rekuża tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, qed tikkunsidra l-pożizzjonijiet tan-naħat kollha. Filwaqt li d-Difiża għamlet talba għar-rekuża, il-Prosekuzzjoni u l-Parte Civili iddikkjaraw li mhumiex se jagħmlu l-istess talba. Dan sabiex l-evidenza tkun tista’ tibda tinġabar minnufih.

9:25am – Id-difiża talbet għar-rekuża, waqt li l-parte civile (rappreżentata mill-Avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Keith Borg Costanzi), irrinunzjaw li jagħmlu t-talba għar-rekuża. L-Avukat Jason Azzopardi qal li dan id-dewmien qed isir b’riskju li l-imputati jiġu meħlusa mill-arrest peress li ma jkunx laħaq sar il-ġbir tal-evidenza fiż-żmien stipulat skont il-liġi.

9:20am – Il-Maġistrat Charmaine Galea tagħmel dikjarazzjoni u tgħid li fil-passat, meta kienet tipprattika fl-avukatura, irrappreżentat persuni li kellhom każijiet ta’ libell kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Iddikkjarat ukoll li fil-kitbiet tagħha, Daphne Caruana Galiza ddeskriviet il-ħatra tagħha bħala “kompletament diżgustanti”.

9:11am – Tibda s-seduta

9:00am – It-tliet akkużati twasslu l-Qorti permezz ta’ skorta ta’ sigurta’ (ara l-filmat).