Lokali

FILMAT: Is-siġra għaffġitlu l-mutur minuta wara li niżel minn fuqu

Pulizija tat-traffiku ħelisha minn ħalq il-mewt meta siġra kbira li tqaċċtet għaffġet il-mutur li kien qed isuq. Il-Pulizija kien għadu kif niżel minn fuq il-mutur meta s-siġra tqaċċtet u waqgħet minn tulha fl-art.

L-inċident, li fih fortunatament ma weġġa’ ħadd, seħħ fi Triq Mannarino, li tagħmel ma’ Triq il-Wied tal-Imsida ftit qabel il-ħdax ta’ filgħodu. Fih tqaċċtu b’kollox żewġ siġriet kbar hekk kif l-Uffiċju Meterjoloġiku ħareġ anke twissija ta’ grigalata, bil-qawwa tar-riħ iżd gradwalment matul il-ġurnata sa minn kmieni filgħodu.

Persuni li raw is-siġar jitqaċċtu, iddeskrivaw ma’ NET News il-ħoss qawwi li semgħu, u malli ħarsu ‘l barra mill-ħwienet li kienu fihom, raw żewġ siġriet kbar jitqaċċtu u jaqgħu fuq il-karozzi – uħud li kienu għaddejin u oħrajn ipparkjati.

Filfatt, kien hemm sewwieq ieħor li ħelisha ħafif minn dan l-inċident: is-sewwieq żagħżugħ ta’ karozza tat-tip Seat li nzerta kien qed isuq fid-direzzjoni lejn Birkirkara. Dan iż-żagħżugħ spjega lil NET News li malli kien qed isuq, kien hemm mara fil-ġenb tat-triq li bdiet tgħajjat u tgħidlu biex iwaqqaf il-karozza. Minnufih hu waqqaf il-karozza – iżda kien tard wisq, għax waħda mis-siġar baqgħet nieżla fuq il-karozza. Waħda mill-friegħi tas-siġra saħansitra faqgħet il-windscreen tal-karozza. NET News jinsab infurmat li kien il-Pulizija tal-mutur li ta l-ewwel għajnuna liż-żagħżugħ u ħarġu mit-tieqa tal-karozza.

Apparti l-mutur u l-karozza, kien hemm karozzi oħra pparkajti fil-ġenb tat-triq li ġarrbu ħsarat konsiderevoli minħabba ż-żewġ siġriet li waqgħu fuqhom. Persuni oħrajn li laħqu saqu u għaddew bl-eżatt qabel waqgħu s-siġar, fuq Facebook irrakkuntaw kif anke huma jistgħu jgħodduha b’waħda.

Kawża ta’ dan l-inċident, it-triq kellha tingħalaq għal ħin twil u fuq il-post marru anke membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jitneħħa kull periklu li seta’ kien hemm. Fortunatament, ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident li seta’ kellu konsegwenzi ferm aktar gravi.

Sadanittant, l-ewwel jum tax-xitwa mhux biss kien iddominat mir-riħ iżda f’xi inħawi anke baħar imqalleb ħafna – tant li sidien ta’ vetturi mal-baħar ġew mitluba jneħħuhom.



Ritratt: Martin Agius, Filmati: Joe Francalanza